Bħalissa fil-Mediterran hawn l-aircraft carrier Amerikana USS Harry S. Truman akkumpanjata minn diversi bastimenti tal-gwerra oħra Amerikani.
L-ajruplani mill-vapur qed jipparteċipaw f’attakki mill-ajru kontra dak li fadal mill-ISIS fis-Sirja.
Fl-istess ħin,bastimenti militari Russi qed isegwu mill-qrib il-passi tal-flotta Amerikana. Tant li l-Istati Uniti akkużat lir-Russja li bastiment minn tagħha kien qed jipprova jfixkel il-ħidma Amerikana barra l-kosta Sirjana. Ir-Russja qed tgħin militarment lil Assad anki mill-baħar.
S’issa iżda ma kien hemm rapporti ta’ ebda inċidenti serji.
L-Ammirall Amerikan James Foggo, li hu l-kmandant tan-NATO għan-Nofsinhar tal-Mediterran, qal li r-Russja approfittat mill-intervent fis-Sirja biex issaħħaħ il-preżenza tagħha fil-Mediterran. Huwa żied li l-Lvant tal-Mediterran barra mill-kosta tas-Sirja sar “iffullat” f’dawk li huma bastimenti tal-gwerra, kemm Amerikani kif ukoll Russi.
Vapuri Russi u Amerikani għassa ta’ xulxin fil-Mediterran


