Wara inċident serju ieħor li seħħ nhar il-Ġimgħa li għaddiet quddiem skola medja tal-Istat u li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi, l-MUT ssostni li l-Ministeru m’għandux jibqa’ jittituba milli jieħu l-miżuri meħtieġa u jekk l-affarijiet ser jibqgħu l-istess il-Union ser ikollha tieħu l-azzjonijiet neċessarji sabiex tipproteġi lill-ħaddiema fl-iskejjel.
Matul din is-sena skolastika diġà kien hemm tliet każijiet serji li ġew irrappurtati fil-media u l-MUT tinnota li t-tendenza f’dawn il-każijiet hi li jitqiesu bħala bħala inċidenti iżolati u li fejn hu possibli kollox jibqa’ mistur sabiex tingħata stampa li kollox hu taħt kontroll. Dan qiegħed isir b’diversi modi inkluż bid-direzzjonijiet li qed jingħataw l-iskejjel.
L-MUT saħqet li l-każjiet huma gravi biżżejjed u żgur li l-Ministeru m’għandux għalfejn jistenna li jkollu każ ieħor, u vittmi oħrajn, qabel ma jimplimenta miżuri ta’ sigurtà li jinkludu l-preżenza kontinwa ta’ uffiċjal tas-sigurtà fl-iskejjel kif ukoll it-tisħiħ tal-preżenza tal-Pulizija waqt id-dħul u l-ħruġ tal-istudenti.
L-MUT fl-istqarrija qalet li l-Ministeru għandu diġà studju dwar il-miżuri ta’ sigurtà li għandhom jittieħdu fl-iskejjel, iżda dan l-istudju baqa’ fuq l-ixkaffa.
//= $special ?>