Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alexei Dingli, għażel li jirtira l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kompetenza tiegħu ta’ Sindku tal-Belt fil-bord tal-governanza tal-Fondazzjoni Valletta18 minħabba li l-Kunsill Lokali tal-Belt kienet qed jiġi eskluż mill-attivitajiet tal-Valletta 2018.
F’kummenti lil NET News, Alexei Dingli spjega x’wassal biex kien sfurzat jieħu din id-deċiżjoni.
“L-ewwel nett f’dawn l-aħħar xhur, il-Kunsill Lokali tal-Belt kienet qed jiġi eskluż mill-attivitajiet tal-Valletta2018. Din il-kwistjoni kont ukoll qajjimtha kemm mal-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll mas-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, però, jiddispjaċini ngħid li l-affarijiet xorta ma nbiddlux. Apparti minn hekk, kien hemm affarijiet li laqtu lill-komunità Beltija b’mod negattiv, fosthom it-turnew tal-futbol tal-Valletta18 fejn il-klabb tal-futbol tal-Belt, li bħalissa huma ċ-champions ta’ Malta, lanqas biss kienu mistiednin għalih.”
Wara l-ftuħ tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura f’Jannar li għadda, huma bosta l-ilment tal-artisti u n-nies Beltin li l-legat kulturali ta’ dan it-titlu mhux qed jasal għandhom. Dan meta l-Fondazzjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-baġit allokat ta’ €48 miljun.
Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, Jason Micallef ikompli jonqos milli jagħmel distinzjoni bejn ir-rwol ta’ Chairman tal-Fondazzjoni tal-Valletta18, titlu li jgħaqqad poplu, u r-rwol politiku tiegħu bħala Chairman ta’ ONE Productions. Għalhekk, Alexei Dingli ried jiddisassoċja ruħu ukoll mill-kummenti dispreġjattivi ta’ Jason Micallef lejn il-ġurnalista assassinata, Daphne Caruana Galizia.
“Waħda mill-affarijiet l-iktar gravi kienu l-kummenti dispreġjattivi li għamel iċ-Ċermen tal-Valletta2018 lill-ġurnalista assassinata, Daphne Caruana Galizia. Dawn huma kummenti li ma naqbilx magħhom, tajjeb ngħid li ma għamilhomx f’ismi u dan għamiltielu ċara fl-ittra li bgħattlu.”
Il-kundanna ta’ Alexei Dingli mhijiex iżolata hekk kif Jason Micallef kellu bosta kundanni internazzjonali li ġew injorati mill-Gvern Malti, fosthom mill-istess membri tal-kumitat li għażel lill-Belt Valletta u saħansitra bojkott mill-belt Olandiża Leeuwarden-Fryslân li wkoll qed tiċċelebra t-titlu ta’ belt Kulturali Ewropea u mid-Direttur Artistiku tal-belt kulturali tal-2020.
//= $special ?>