Il-UĦM Voice of the Workers esprimiet solidarjeta’ mal-pulizija li kien involut f’inċident ikrah u kodard imwettaq minn persuna bla skrupli f’Ħal Luqa dalgħodu.
Din il-union jiddispjaċiha li ħaddiem fis-servizz pubbliku mar għax-xogħol biex jaqla’ l-għajxien tiegħu u għax wettaq dmiru bis-serjeta’ u kif mistenni spiċċa mtajjar minn vettura, imkaxkar għal diversi metri u mweġġa’ serjament.
Il-UĦM appellat lill-awtoritajiet konċernati sabiex jittieħdu l-miżuri kollha li jsaħħu s-saħħa u s-sigurta’ ta’ dawn il-ħaddiema waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-UĦM Voice of the Workers qed tħeġġeġ lil min hu ta’ rieda tajba sabiex juri rispett dinjituż lejn kulmin għandu funzjoni pubblika filwaqt li jiħraxu l-pieni lejn min ma jurix tali rispett.
Fi stqarrija oħra, l-Assoċjazzjoni Maltija Uffiċjali tal-Pulizija Irtirati esprimiet solidarjetà mal-kuntistabbli Simon Schembri u l-familjari tiegħu wara li ġarrab ġrieħi gravi meta ttajjar minn vettura.
“Il-Pulizija għandhom jaqdu d-dmir tagħhom b’mod san u f’periklu mill-anqas u lura jistennew protezzjoni sħiħa. Għaldaqstant, l-Awtoritajiet konċernati huma mħeġġa u mistennija li jagħtu lill-Uffiċċjali tal-Pulizija kull protezzjoni meħtieġa u li ssir ġustizzja kif mistħoqq.”
Intant, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) ingħaqdet mal-Kap tal-PN Adrian Delia u turi solidarjetà mal-familja tal-Kuntistabbli Simon Schembri filwaqt li tawguralu fejqan ta’ malajr.
L-SĦPN irringrazjat mill-qalb lill-ħaddiema kollha tal-korpi dixxiplinati f’pajjiżna mhux biss għas-sagrifiċċji li jagħmlu huma u l-familjari tagħhom, iżda wkoll għad-dedikazzjoni kbira ta’ dawn il-ħaddiema.
//= $special ?>