Lokali

Ċentru tat-taħriġ marittimu ġdid

Pajjiżna se jkollu ċentru marittimu ġdid minn fejn se jingħata t-taħriġ lil dawk li jaħdmu f’dan is-settur.

Il-proġett, li se jsir f’Ħal Far qed isir minn MMRTC Coop Ltd, immexxija mill-Malta Maritime Pilots, b’investiment li jlaħħaq it-tliet miljun ewro u se jingħata l-isem ta’ Maritime MT.

Permezz ta’ dan iċ-ċentru, l-approċċ f’dan is-settur se jkun wieħed ġdid u ħolistiku li jolqot is-setturi marittimi kollha f’pajjiżna u għandu jassisti mhux biss lil dawk li jaħdmu fuq il-baħar, imma wkoll ħaddiema li joffru servizzi marittimi minn max-xtajta.

Ċentru li se jiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda għal dawk interessati f’xogħol fil-qasam marittimu, b’korsijiet dwar din l-industrija, inkluż il-cruiseliners, superyachts, vapuri tal-merkanzija u servizzi offruti minn fuq l-art.

Dawn il-korsijiet jilħqu l-ogħla standards, b’akkreditazzjoni kemm minn Transport Malta kif ukoll missoċjetà internazzjonali DNV GL bl-istudenti li jistgħu jagħmlu użu minn simulators tal-aħħar teknoloġija.

Ix-xogħol fuq il-bini tal-faċilitajiet ġodda f’Ħal Far diġa beda, bix-xogħol li mistenni jkun lest sal-bidu tal-2019.

Sadattant matul seminar organizzat minn Maritime Malta, ġew preżentati wkoll żewġ studji dwar is-sigurtà fil-portijiet tal-Belt Valletta u dak ta’ Marsaxlokk.

Dawn l-istudji kellhom l-għan li janalizzaw l-isfidi differenti li dawn il-portijiet joffru, anke fid-dawl li l-bastimenti li jużawhom matul is-snin kibru u nbidlu.

B’hekk, grazzi għal dawn l-istudji, l-operaturi ta’ dawn il-portijiet u dawk li jagħmlu użu minnhom, issa huma iktar preparati u jistgħu jaħsbu aħjar dwar kif jagħmlu l-aħjar u l-iktar użu sigur.