Lokali

FILMAT: “Aħtfu kull opportunità” – kok Malti li ħadem ma’ Jamie Oliver b’messaġġ ta’ kuraġġ liż-żgħażagħ

Il-kok Malti James Rizzo jinsab lura f’pajjiżna wara esperjenza ta’ tliet snin fir-Renju Unit, biex wasslitu jaħdem mill-qrib u taħt il-gwida tal-maestro tal-kċina rinomat internazzjonalment Jamie Oliver.

Oliver hu kok ċelebri Ingliż li jmexxi numru ta’ ristoranti madwar id-dinja, u jieħu sehem f’numru ta’ spettakli relatati mal-kċina fuq it-televiżjoni.

Ir-reputazzjoni tiegħu saħansitra wasslitu biex fl-2003 iddaħħal bħala membru tal-Ordni tal-Imperu Ingliż, li twaqqfet iktar minn mitt sena ilu bl-iskop li tippremja lil min jagħti kontribut fl-arti, ix-xjenza, ħidma karitattiva jew fi ħdan organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-ġid soċjali.

“Applikajt għal xogħlijiet barra minn pajjiżna u fost l-oħrajn applikajt ma’ Jamie’s Italian, li hi waħda mill-ewwel franchises ta’ Jamie Oliver. Dakinhar stess li pplikajt, ċempluli u staqsewni meta nista’ nitla’ biex nagħmel interview,” jiftakar James f’kummenti lil In-Nazzjon.

James, li għandu 38 sena, għadda minn interview ta’ tlett ijiem li fih mar tajjeb tant li offrewlu xogħol dak il-ħin stess f’Jamie’s Italian. Dan ir-ristorant, li llum-il ġurnata ħa fama mondjali, kien l-ewwel avventura ta’ Jamie Oliver bħala ristoranti tal-ogħla kwalità possibbli.

“F’sitt xhur laħħquni Head Chef imbagħad bdejt naħdem f’ristoranti madwar l-Ingilterra. Kien hemm bżonn ngħinhom f’ristoranti oħrajn sakemm eventwalment ħdimt fil-Food Development Kitchen fejn għenthom joħolqu menus, idea tal-ispeċjalitajiet u events,” jirrakkonta James.

James saħansitra kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-istess Jamie Oliver. “Kien ġie fir-ristorant stess f’Aberdeen. Kull sitt xhur kienu jagħmlu laqgħa mal-general managers u Head Chefs tar-ristoranti kollha. Kien ġie hemm personalment, iffilmjawna. Kienet attività kbira għalina.”

Minkejja li wasal s’hawn, James jirrakkonta li din ma kinitx faċli. “Ix-xogħol kien xi ħaġa kompletament ġdida, avolja kelli l-esperjenza tax-xogħol hawn. Għax hi franchise, għandhom proċedura totalment differenti minn ristoranti oħrajn. Tgħallimt ħafna, aktar fuq management milli tisjir.”

Iżda minkejja dan kollu James ma jinsiex li beda minn pajjiżna, mill-ITS, u jwassal messaġġ ta’ kuraġġ lil studenti oħra biex jaħtfu kull opportunità li jaħdmu barra minn pajjiżna.

“Ikollkom ċans ħuduh. Toqgħodux taħsbuha. Se tkun iebsa vera, imma wara tlieta, erba’ snin, l-esperjenza li tieħu u n-nies li tiltaqa’ magħhom, ideat ġodda, tiftaħ għajnejk. Nixtieq anzi li għamiltha meta kont iżgħar din il-biċċa xogħol,” hu l-messaġġ ta’ James.

Illum-il ġurnata James Rizzo għandu sfida differenti. Hu ġie fdat mill-management tar-ristorant The Orchard, f’Hilltop Gardens, biex iservi kemm lill-klijenti kif ukoll lill-anzjani residenti f’din ir-residenza kif ukoll ir-residenza is-Simblija li lkoll għandhom sfidi u bżonnijiet differenti.