Lokali

FILMAT: Nagħrfu l-problemi tan-nies u noffrulhom soluzzjonijiet – Adrian Delia

Laqgħa għall-kumitati sezzjonali bi tħejjija għall-maratona ġbir ta' fondi

F’laqgħa bi preparazzjoni għall-maratona ta’ ġbir ta’ fondi nhar il-Ħadd 10 ta’ Ġunju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, appella lill-membri tal-kumitati sezzjonali biex iżommu kuntatt dirett man-nies fl-irħula.

Kull membru tal-Partit Nazzjonalista jrid ikun lest li jagħti servizz pubbliku u jservi lin-nies. B’hekk biss il-Partit jagħraf il-problemi li jkunu għaddejjin minnhom u minn hemm joffrulhom soluzzjonijiet. Adrian Delia qal li l-poplu jixraqlu li jkollu alternattiva relevanti għal dan il-Gvern, alternattiva li tagħmel differenza kruċjali f’ħajjithom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jisħaq kif il-viżjoni tal-partit li joħloq mill-ġdid soċjetà li jimpurtaha trid tibda tissarraf f’ħidma akbar fost in-nies biex bl-ideat tagħhom, jinbena pjan fit-tul.

Huwa tenna l-impenn li jħott l-idea li l-Partit Nazzjonalista huwa partit elitist, u għalhekk huwa kruċjali li jġu ntegrati kull persuna minn kull strata tas-soċjetà. Hawn semma l-involviment taż-żgħażagħ fil-Partit, kemm dawk studenti, gradwati u ħaddiema. Kull żagħżugħ huwa kruċjali biex biex jitwassal il-messaġġ tal-Partit.

Hekk kif ftit ftit in-nies qed jerġgħu jafdaw il-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia saħaq kif il-ġenerożità tal-poplu Malti hija kruċjali biex il-Partit Nazzjonalista jwassal messaġġ effettiv u b’saħħtu bħal-lum sena.

Il-laqgħa kienet indirizzata ukoll mill-Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo, u t-Teżorier, David Camilleri, li spjegaw fid-dettal il-ħidma li qed issir għall-finanzjament aħjar tal-Partit kif ukoll il-preparamenti għall-maratona ġbir ta’ fondi għall-Partyit Nazzjonalista.

Fid-diskors konklussiv, il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-membri biex ixammru l-kmiem u jaħdmu aktar biex jilqgħu nies ġodda fi ħdan il-Partit li lesti jwettqu l-ħolma ta’ Malta aħjar.