FIMBank żammet il-Laqgħa Ġenerali Annwali għall-azzjonisti tagħha f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan.
F’kummenti ma’ NET News, iċ-Chief Financial Officer tal-bank, Ronald Mizzi, elabora aktar dwar il-profit li ħabbar il-bank għall-2017:
“FIMBank din is-sena ħabbar riżultat profit ta’ $7.7 miljun għas-sena 2017. Dan huwa riżultat ta’ turn around strategy li bdiet sentejn ilu li fiha FIMBank saħħaħ l-istrutturi tiegħu ta’ kif jopera, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Dan wassal biex il-bank kien kapaċi jżid id-dħul tiegħu, u bi spejjeż stabbli u b’inqas impairments, żied il-profit minn fuq is-sena ta’ qabel.”
F’dan ix-xenarju, FIMBank irnexxielu jnaqqas l-Assi Konsolidati Globali b’ 6 punti perċentwali, tnaqqis ta’ madwar $100 miljun mill-2016 għall-2017.
Iċ-Ċermen tal-Bank, Dr. John C. Grech, f’indirizz lill-azzjonisti, irrefera għal dawn ir-riżultati finanzjarji bħala indikatur ċar tal-pjan strateġiku b’saħħtu li l-bank addotta f’dawn l-aħħar snin. Huwa kompla jisħaq fuq l-impenn li l-bank għandu li jżomm u jsaħħaħ dan iċ-ċiklu pożittiv b’lealtà lejn l-azzjonisti li emmnu fil-bank sabiex huma stess igawdu mill-frott mixtieq tal-ħidma kbira tal-bankiera tagħhom.
Preżentazzjoni tal-Kap Eżekuttiv ta’ FIMBank, Murali Subramanian, esponiet ukoll il-prospetti tal-bank li jkollu tkabbir porfitabbli fit-tul. Huwa żied kif il-kisba ta’ dan jiġi bi spirtu intraprenditorjali u b’servizz eċċelenti lil kull klijenti, minn negozji, għall-prodotti sas-swieq disponibbli.
Ronald Mizzi temm jelabora dwar x’għandhom imħejji l-azzjonisti għas-snin li ġejjin:
“Il-ġimgħa l-oħra għadha kif għalqet rights issue li biha FIMBank żied il-kapital tiegħu b’$105 miljuni, żewġ terzi fuq il-kapital li kien hemm qabel. Dan ħa jwassal biex FIMBank iżid id-dħul, ikabbar il-kummerċ u l-assi tiegħu. Għalhekk il-prospetti tal-bank għall-ġejjieni huwa li jkompli jżid il-valur tiegħu lill-azzjonisti tiegħu.”
//= $special ?>