L-argument tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, kif ukoll tal-għaqdiet tal-pensjonanti li l-pensjonanti Maltin qed jiffaċċjaw żminijiet diffiċli, kien konfermat f’rapport tal-Unjoni Ewropea pubblikat il-ġimgħa li għaddiet.
L-istampa li toħroġ dwar l-anzjani u l-pensjonijiet f’Malta taħt il-Gvern Laburista, minn dak li jissejjaħ Pension Adequacy Report – kemm il-pensjonijiet tal-UE huma suffiċjenti – hi li l-pensjonanti tant waqgħu lura li, fi kliem l-istess rapport “in contemporary Malta one cannot survive on a pension”. Jiġifieri f’Malta tal-lum wieħed ma jistax jgħix bil-pensjoni biss.
Dan ir-rapport ta’ kull tliet snin maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali, jiddeskrivi lilu nnifsu bħala eżerċizzju li jeżamina kemm id-dħul ta’ bħalissa u dak fil-futur huma adegwati biżżejjed għall-anzjani fl-Unjoni Ewropea.
Id-dettalji kollha tar-Rapport ġew ppubblikati llum mill-ġurnal In-Nazzjon.
Fejn għandha x’taqsam Malta, dan ir-rapport jispeċifika li jeżistu problemi serji għal numru kbir ta’ anzjani li bl-ammonti preżenti li qed jirċievu huma effettivament fir-riskju tal-faqar, u li jekk il-Gvern mhux se jiċċaqlaq, is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar b’mod speċjali minħabba li l-ħajja f’Malta qed togħla b’rata mgħaġġla ħafna.
Aspett ieħor li dan ir-rapport iħares lejh fit-tul hu r-rata ta’ anzjani fir-riskju tal-faqar u jgħid li, mill-2013 ’l hawn, dan ir-riskju naqas f’16-il pajjiż tal-UE iżda żdied fit-tnax l-oħra, fosthom f’Malta. Fil-fatt pajjiżna rreġistra l-akbar żieda f’din il-kategorija wara t-tliet pajjiżi Baltiċi.
//= $special ?>