Lokali

Għal aktar servizz ta’ kwalità

CareMalta, li din is-sena qed tiċċelebra l-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha, għadha kemm nidiet programm ta’ taħriġ ambizzjuż għal servizz ta’ eċċellenza bl-isem ta’ I Care (Jimpurtani). Dan il-programm, li ġie żviluppat flimkien mal-kumpannija Think Talent, li tassisti lil CareMalta fit-taħriġ tagħha, għandu l-iskop li jieħu l-kwalita’ fis-servizz offrut mill-kumpannija għal livelli ogħla.

I Care ġie mniedi permezz ta’ attivita’ mżewqa ppreżentata mill-attur u preżentatur Malcolm Galea. Din l-attivita’ ġiet ripetuta tliet darbiet fl-istess ġurnata biex jintlaħqu l-impjegati kollha ta’ CareMalta li llum jaqbżu l-1000 ruħ. It-tnedija kienet tinkludi messaġġi mill-eks footballer internazzjonali Carmel Busuttil, il-personalita’ televiżiva Claire Agius u mill-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca li tkellmu dwar ‘il-professjonaliżmu’, id-‘dedikazzjoni’, u l-‘kompassjoni’ rispettivament, it-tliet pilastri tal-programm I Care.

Saret ukoll taħdita live ma’ dawk li qed jissejħu ‘influwenzaturi’ li se jkunu fdati bil-promozzjoni tal-valuri tal-I Care fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Diġa ġew identifikati u mħarrġa 90 ‘influwenzatur’.

Is-Senior Services Manager tal-kumpannija Paul Pace tkellem dwar l-isfond tal-programm kif ukoll dwar il-prinċipji li huwa bbażat fuqhom.

Fil-messaġġ tagħha għall-okkażjoni,il-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta Natalie Briffa Farrugia fissret li I Care m’huwiex xi sett ta’ struzzjonijiet, policies u proċeduri kif tingħata l-kura “ Aħna rridu li I Care isir il-‘lingwa’ li biha jitkellem kull min jaħdem mal-kumpannija irrispettivament mir-rwol tiegħu jew tagħha u mis-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom. Qalet ukoll li l-I Care inbena fuq esperjenza ta’ 25 sena involuti fil-qasam tal-kura tal-anzjani. Spjegat li dan il-programm mhuwiet xi tifkira tal-passat imma ċ-ċavetta għall-futur għal kull min hu involut f’CareMalta. “Irridu nħejju lilna nfusna għall-futur f’dinja dejjem tinbidel u li magħha qed jinbidlu wkoll il-valuri”, kompliet Natalie Briffa Farrugia.