Internazzjonali

Għomorha l-ħabs għall-qtil ta’ tfal fdati lilha

Mara ta’ 56 sena, li kienet impjegata bħala ‘nanny’ ma’ familja fl-Istati Uniti, spiċċat ikkundannata l-ħabs għal għomorha dwar il-qtil ta’ żewġt itfal żgħar li kienu fdati lilha.

L-omiċidju doppju kien seħħ ġo appartament ta’ Manhattan, fi New York, f’Ottubru tal-2012. Dakinar tal-qtil, l-omm kienet irritornat id-dar u sabet il-katavri mdemmija ta’ uliedha (tifla ta’ sitt snin u ħuha ta’ sentejn) ġol-banju. Huma kienu nqatlu b’diversi daqqiet ta’ sikkina.

L-imputata, Yoselyn Ortega, ippruvat tiskuża l-aġir tagħha ‘għall-fatt li hi ma kenitx mentalment b’saħħitha’ iżda l-ispjegazzjoni ma ħalliet l-ebda effett. Ortega, intant, talbet apoloġija qabel l-għeluq tal-proċess bil-qorti li dam għal sitt ġimgħat u fejn l-imħallef fissirha bħala ‘xempju ta’ ħażen pur’

Il-prosekuturi qalu li Ortega, qabel il-qtil, kienet irrabjata għaliex ħasset li l-familja li kienet impjegata magħha ‘kienu qed iħaddmuha ż-żejjed’.