Lokali Parlament

Il-Gvern bla pjan għal Għawdex

Mill-arkivji

– Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said sostna li mhux biss il-Gvern Laburista ma żammx il-wegħdi tiegħu mal-Għawdxin fl-aħħar ħamees snin iżda m’għandux pjan għall-gżira.

Fl-Aġġornament Chris Said qal li l-Ministru għal Għawdex ħadet aġġornament biex titkellem dwar l-aċċessibilità bejn iż-żewg gżejjer u ppruvat ssib l-iskużi kollha immaġinabbli għaliex is-sitwazzjoni tinsab daqstant ħażin. Weħħlet f’ kulħadd inkluż fil-Ministru għal Għawdex ta’ qabilha – pero ma qalitx kelma li hi kelma dwar x’inhu l-pjan tagħha biex issolvi l-problema b’ mod immedjat. Bdiet titkellem fuq pjan fit-tul iżda fl-ebda ħin ma qalet x’inhu dan il-pjan.

Hu kompla li hemm bżonn pjan urġenti li jħares ukoll lejn il-preżent. F’ħames snin Gvern Laburista ma għamel assolutament xejn; anzi neħħa dak li kien hemm. Il-Ministru Caruana ma lissnitx kelma fuq is-servizz tal-merkanzija li kien jaħdem minn u lejn Sa Maison ta’ kuljum u li Gvern Laburista waqqaf għal kollox f’Jannar 2016; sentejn u nofs ilu.

Wiegħdu li se jerġa’ jibda fl-iqsar żmien iżda sallum ma bediex u ma hemm l-ebda pjan biex jerġa’ jiġi introdott. Il-Ministru Caruana ma kellhiex il-kuraġġ tghid li parti mill-problema li hemm illum hi propju l-ammont kbira ta’ trakkijiet li jridu jaqsmu bilfors miċ-Ċirkewwa meta sa Jannar 2016 kienu jaqsmu ta’ kuljum minn Sa Maison. Ma kinitx kapaċi toffri soluzzjoni għal servizz li kien hemm u tneħħa mill-Gvern tagħha stess sentejn u nofs ilu.
Chris Said kompla li l-Ministru għal Għawdex qalet li Gvern Nazzjonalista qatt ma kellu viżjoni dwar l-aċċessibilità.

Il-fatti huma li kull ma hemm illum huwa kollu frott ta’ deċiżjonijiet important li ħadu Gvernijiet Nazzjonalisti; tlett vapuri, terminals moderni fl-Imġarr u fiċ-Ċirkewwa, toroq li jwasslu għall-Imġarr u għaċ-Ċirkewwa bil-fondi tal-Unjoni Ewropeja u portijiet tajbin kemm fiċ-Ċirkewwa kif ukoll fl-Imġarr. Kollox bit-timbru ta’ Gvern tal-PN. Il-PL fil-Gvern ma għamel xejn biex itejjeb is-servizz jew l-infrastruttura anzi naqqas mis-servizz li kien hemm.

F’ Novembru li għadda waqt sessjoni tal-Gvern li Jisma’ l-Ministru Caruana qalet li l-Gvern kien qed jikkunsidra r-raba’ vapur. Għaddew sitt xhur u issa sena mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura u ħames snin ta’ Gvern Laburista u issa qed tgħid li dan mhux faċli waqt li ġabet 1000 skuża għaliex dan ma jistax jiġi ntrodott fi żmien qasir. Anzi qalet li l-fatt li ma jistax jiġi ntrodott ir-raba’ vapur huwa tort ta’ Gvern tal-PN. Ma titwemminx; imma dik hija l-iskuża li qed iġġib il-Ministru għal Għawdex.

Chris Said qal li r-raba’ vapur hemm bżonnu urġenti u l-Gvern messu ilu jippjana għalih. Il-Ministru Caruana ippruvat tagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni dwar dak li qed jiġri fil-każ tal-Fast Ferry Service. Ippruvat titfa’ r-responsabilità fuq il-Gozo Channel u donnha insiet li l-Gozo Channel taqa’ taħt ir-responsabilità politika tagħha.
Il-proċess li ntuża qed iqajjem dubji kbar u l-Oppożizzjoni għandha kull dritt anzi għandha obbligu li tistaqsi iżda l-Ministru qed taħrab li twieġeb dwar dan il-proċess. Jidher ċar li fejn tidhol l-accessibilità bejn Malta u Għawdex ma hemm l-ebda pjan.

Dwar it-toroq, Chris Said qal li t-toroq f’ Għawdex huma fi stat ħafna agħar minn ta’ Malta. Gvern tal-PN kellu pjan biex jibni t-toroq arterjali mill-ġdid bis-servizzi kollha neċessarji u kien qed juża fondi Ewropej . Gvern tal-PL ma beniex triq waħda bil-fondi Ewropej fl-aħħar ħames snin. Issa jirriżulta b ‘dikjarazzjoni tal-Ministru Helena Dalli li sas-sena 2020 mhu se jintefaq l-ebda ċenteżmu fuq toroq f’Għawdex mill-Programm ta’ Fondi Ewropej 2014-2020.

Chris Said tkellem dwar l-iskola primarja ġdida fir-Rabat u qal li ilna ħames snin nisimgħu li se tinbena skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex. Din hi bżonn u l-Pn ajqbel li tinbena iżda l-fatti huma li l-post inbidel tlett darbiet. Din se tkun skola ta’ 600 student tal-primarja bla parkeġġ Il-Ground tal-Iskola tal-Middle School li fis-Sajf u vaganzi jintuża bħala parkeġġ jekk isir dan il-proġett ma jistax jintuża iżjed. Dan hu telf ta’ mijiet ta’ spazji ta’ parkeġġ f’żona fejn hemm diversi ħwienet u uffiċċji.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fit-trattat ta’ sħubija fl-UE hemm dikjarazzjoni dwar Għawdex; dikjarazzjoni importanti li tirrikonoxxi r-regjonalità ta’ Għawdex u l-bżonnijiet distinti minn dawk ta’ Malta u tirrikonoxxi l-insularità doppja u l-għajnuna li tista’ tingħata biex din tingħeleb.

Qabel kull budget tal-Unjoni Ewropeja l-Gvern jista’ jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tirraporta lill-Kunsill tal-Ministri dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Għawdex b’ mod speċjali dwar id-differenzi fil-livelli ta’ zvilupp soċjali u ekonomiku bejn Malta u Għawdex. Il-Gvern ftit ilu qal li bdew id-diskussjonijiet fuq il-budget li jmiss 2021-2017 fejn huwa ovvju li Malta mhix se tibqa tikkwalifika għall-akbar ammont ta’ fondi possibbli.
Għawdex għadu ma laħaqx il-livelli ta’ Malta fejn il-GDP hu ħafna anqas, il-pagi medji huma €1,300 anqas minn Malta u hemm problemi ta’ transport u infrastruttura.

Il-Prim Ministru ħasel idejh u farfar fuq materja daqstant importanti għall-iżvillupp ekonomiku u soċjali ta’ Għawdex waqt li l-Ministru Helena Dalli ikkonfermat li l-Gvern għadu ma skattax dan il-mekkaniżmu. X’ inhu jistenna l-Gvern?, staqsa Chris Said, li kompla li Għawdex jista’ jibbenefika minn fondi diretti fis-sitwazzjoni li qiegħed.