Il-Ġermanja ġeddew il-kuntratt ta’ Joachim Löw u l-istaff tiegħu b’sentejn oħra, biex b’hekk se jibqgħu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali sat-Tazza tad-Dinja ta’ sentejn oħra.
Sadanittant, Mario Götze ma kienx inkluż fl-iskwadra preliminari tal-Ġermanja minħabba d-diffikultajiet kontinwi ma’ Borussia Dortmund. Götze kien l-eroj tal-Ġermanja fl-aħħar Tazza tad-Dinja meta daħal bħala sostitut u skorja l-gowl deċiżiv fil-113-il minuta li biha l-Ġermaniżi saru champions tad-dinja.
Il-gowlkiper ta’ Bayern Munich Manuel Neuer kien inkluż fl-iskwadra minkejja li għadu ma lagħbx minn meta kellu jopera ruħu f’siequ x-xellugija f’Settembru li għadda. Neuer reġa’ beda t-taħriġ ma’ Bayern Munich u l-kowċ tal-klabb Jupp Heynckes qal li jista’ jilgħab fil-finali tat-Tazza Ġermaniż kontra Eintracht Frankfurt is-Sibt.
L-attakkant Sandro Wagner li ngħaqad ma’ Bayern Munich f’Jannar biex iżid iċ-ċans li jilgħab fit-Tazza tad-Dinja, ma kienx magħżul minkejja li skorja tmien gowls minn 14-il logħba fil-Bundesliga. Minflok, Löw għażel il-veteran Mario Gomez ta’ Stuttgart u l-attakkant ta’ Freiburg Nils Petersen li għadu qatt ma lagħab mal-Ġermanja.
Tħallew barra mill-iskwadra proviżorja Emre Can ta’ Liverpool, il-midfielder ta’ Borussia Dortmund Julian Weigl, l-attakkant Andre Schurrle u d-difensur ta’ Arsenal Skhodran Mustafi.
B’kollox huma disa’ l-plejers li jinsabu fl-iskwadra Ġermaniża li rebħet l-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. L-iskwadra proviżorja trid titnaqqas għal 23 plejer sal-4 ta’ Ġunju. L-ewwel impenn tal-Ġermanja tkun kontra l-Messiku fis-17 ta’ Ġunju u sussegwentament jilagħbu kontra l-Iżvezja u l-Korea ta’ Isfel fi Grupp F.
Skwadra proviżorja
Gowlkipers: Manuel Neuer (Bayern Munich), Marc-Andre ter Stegen (Barcelona), Bernd Leno (Bayer Leverkusen), Kevin Trapp (Paris Saint-Germain)
Difensuri: Mats Hummels (Bayern Munich), Jerome Boateng (Bayern Munich), Joshua Kimmich (Bayern Munich), Jonas Hector (Cologne), Marvin Plattenhardt (Hertha Berlin), Jonathan Tah (Bayer Leverkusen), Matthias Ginter (Borussia Monchengladbach), Niklas Sule (Bayern Munich), Antonio Rudiger (Chelsea)
Midfielders: Toni Kroos (Real Madrid), Mesut Ozil (Arsenal), Sami Khedira (Juventus), Thomas Muller (Bayern Munich), Sebastian Rudy (Bayern Munich), Marco Reus (Borussia Dortmund), Leon Goretzka (Schalke), Leroy Sane (Manchester City), Julian Draxler (Paris Saint-Germain), Ilkay Gundogan (Manchester City), Julian Brandt (Bayer Leverkusen)
Attakkanti: Timo Werner (Leipzig), Mario Gomez (Stuttgart), Nils Petersen (Freiburg)
//= $special ?>