Internazzjonali

Kim Jong-un ‘mhu se jċedi qatt għan-nukleari’

Eks-Ambaxxatur tal-Korea ta’ Fuq għar-Renju Unit qal li l-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, ‘mhu se jċedi qatt għan-nukleari ta’ pajjiżu’ minkejja kliemu u l-aħħar indikazzjonijiet li Pyongyang qed iħejji għal proċess ta’ denuklearizzazzjoni.

Thae Yong-ho, li kien ħarab, flimkien ma’ familtu, lejn il-Korea t’Isfel, fl-2016, irrefera wkoll għal Kim Jong-un bħala ‘bniedem vjolenti, impulsiv u li jitilgħulu malajr’. Intant, hu wissa li d-dittatur Korean ‘mhux se jimpenja ruħu għal proċess ta’ diżarm sħiħ b’intenzjoni sinċiera’.

Il-kummenti ta’ Thae ħarġu qabel is-summit bla preċedent li se jsir fit-12 ta’ Ġunju, bejn Kim Jong-un u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump – u fejn huma mistennija li jiddiskutu d-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana.

Sadanittant, ‘il-versjoni tal-verità’ minn Thae Yong-ho – waqt introduzzjoni, f’Seoul, tal-ktieb ġdid tiegħu bl-isem ‘The Secret Code of the 3rd Floor Room’ – hi li ‘id-definizzjoni tad-denuklearizzazzjoni għall-Korea ta’ Fuq hi differenti mill-proċess tad-diżarm sħiħ, irriversibbli u li jista’ ikun verifikat, li d-dinja qed taħseb dwaru’.

L-eks-ambaxxatur spjega li ‘ir-reġim fi Pyongyang jista’ inaqqas l-iskala tan-nukleari f’idejh iżda l-vera skop tal-Korea ta’ Fuq hu li tibqa’ Stat nukleari li jkun sempliċiment deher li għadda mill-proċess tad-denuklearizzazzjoni’.