“Ma nistgħux inkejlu t-tkabbir ekonomiku biss bin-numru ta’ impjiegi li jkunu nħolqu. Għandha ssir aktar referenza lejn l-indiċi tal-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, anke billi jkun hemm aktar trasparenza dwar il-kundizzjonijiet tagħhom.” L-MEP Francis Zammit Dimech għadda dawn il-kummenti waqt qsim tal-ideat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Il-proposta leġiżlattiva tirrelata ma’ aspetti importanti differenti, fosthom il-perjodu ta’ probation, xogħol ieħor b’mod parallel, il-ħinijiet tax-xogħol u anke t-taħriġ.
Dwar klawżoli li jiprevenu ħaddiema milli jaħdmu x’imkien ieħor, Zammit Dimech qal li filwaqt meta jinħoloq kunflitt ta’ interess wieħed għandu jifhem li dan m’għandux iseħħ, id-dritt li dak li jkun jista’ jaħdem ma’ żewġ entitajiet fl-istess ħin għandu jibqa’. Minn naħa l-oħra, hu qal li s-sitwazzjoni fejn ħaddiema qed ikollhom jagħmlu bosta xogħlijiet biex ilaħħqu mal-ħajja għandha tiġi evitata, u dan peress li għandha tkun assigurata kwalità ta’ ħajja tajba.
Zammit Dimech, li hu membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, qal li bħalissa qed jiltaqa’ ma’ stakeholders biex jifhem il-pożizzjonijiet tagħhom biex ikun jista’ jippreżentahom fil-Parlament Ewropew. Aktar kmieni dan ix-xahar, hu ltaqa’ ma’ diversi stakeholders waqt konferenza organizzata mill-Partit Nazzjonalista f’Jum il-Ħaddiem, u ngħaqad mal-Kap tal-Partit Adrian Delia fi żjarat f’diversi negozji. Hu kellu laqgħat ukoll mal-Malta Business Bureau (MBB) biex jifhem aktar dak li qegħdin jaraw in-negozji Maltin, u jassigura li d-direttiva ma xxekkilx il-kompetittività tan-negozji żgħar u medji. Zammit Dimech qal li se jkun qed jipparteċipa wkoll waqt sessjoni ta’ konsultazzjoni organizzata mill-MEUSAC, u se jkun qed jorganizza konferenza mal-istakeholders fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>