Il-Partit Bharatiya Janata (BJP) fil-Gvern għeleb lill-Partit tal-Kungress fl-elezzjoni kruċjali fl-Istat ta’ Karnataka. Ir-riżultati juru li l-Kungress tilef il-maġġoranza fl-aħħar Stat kbir tal-Indja li kien qed jikkontrolla, b’din tkun ‘disfatta psikoloġika enormi’ għall-partit li baqa’ jiggverna biss fi tliet Stati żgħar, — Punjab, Mizoran u Puidcherry.
L-elezzjoni f’Karnataka tindika ‘fejn qed iħabbat il-polz tal-poplu’ qabel l-elezzjonijiet ġenerali tas-sena d-dieħla, fl-Indja. Dan meta l-Prim Ministru Narendra Modi u l-Kap tal-Kungress Rahul Gandhi it-tnejn mexxew kampanji intensivi qabel il-vot f’dan l-Istat tan-Nofsinar, b’Modi qed jittama f’tieni mandat ta’ poter fuq bażi nazzjonali.
Il-Partit tal-Kungress kien mexxa l-ġlieda tal-Indja kontra l-kolonjaliżmu u ddomina l-politika lokali għal għexieren ta’snin wara l-indipendenza.
Intant, il-BJP deher riesaq għal maġġoranza fl-Assemblea ta’ Karnataka, magħmulha minn 224 deputat, waqt li kien qed ikompli l-għadd tal-voti. Kien anki rappurtat li l-Kungress offra l-appoġġ tiegħu lill-Janata Dal, it-tielet l-akbar partit fl-Istat, f’tentattiv biex iwaqqaf il-BJP milli jifforma Gvern f’Karnataka. Ingħad li l-offerta ‘kienet aċċettata’ u li l-BJP u l-Janata kellhom jiltaqgħu biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi.
//= $special ?>

