Lokali

Mara taqla’ xebgħa fil-Marsa; magħha allegatament kellha tarbija

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ mara li qed tallega li qalgħet xebgħa sempliċiment għaliex skont hi laqtet xatba fiż-żona tal-istalel tal-Marsa.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-15:15, nhar it-Tnejn, bil-mara li kellha titlob għall-assistenza tal-Pulizija u staff mediku mill-Isptar Mater Dei b’ambulanza li ħaditha l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Skont rapporti fuq il-midja soċjali, il-mara sofriet ġrieħi f’diversi partijiet minn ġisimha u saħansitra ksur fi swaba minn idejha kawża tax-xebgħa. Dan hekk kif lill-Pulizija rrakkuntatilhom li grupp ta’ rġiel avviċinaha u għal iktar minn darba sawtuha anke waqt li kienet mitluqa mal-art. Madankollu r-rapport tal-Pulizija ma jikkonkludix xi ġrieħi ġarrbet l-istess mara.

Sadattant jirriżulta li fil-vettura tal-mara kien hemm ukoll tarbija. Minkejja dan, jingħad li l-irġiel ftit li xejn taw każ, tant li l-mara ġarrbet ukoll ħsarat fil-vettura tagħha, inkluż parti mill-windscreen imkissra.

B’xi mod u midruba kif kienet, il-mara rnexxielha taħrab mill-post bil-vettura tagħha tidher akkumpanjata mill-uffiċjali tal-Pulizija fl-inħawi ta’ Ħal Qormi. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.