Lokali

Minn għada se jinbidel it-test tal-VRT

Multi għal min ma jikkoperax mal-konklużjonijiet tal-VRT Tests

Minn għada, l-istazzjonijiet tal-VRT madwar Malta u Għawdex se jibdew jintroduċu numru ta’ bidliet fit-test tal-VRT.

Din hija lista tat-tibdiliet ewlenin f’dawn it-testijiet:

Difetti li joħorġu mit-test tal-VRT ser jiġu kategorizzati skond il-gravita` u l-livell ta’ riskju għas-sigurta` fit-triq. Il-vettura mbagħad tingħata waħda minn dawn l-erba’ riżultati:

Għaddiet mit-test – Il-vettura għaddiet mit-test u tilħaq l-istandards minimi meħtieġa.

Għaddiet mit-test b’difetti żgħar – Il-vettura għaddiet mit-test għaliex id-difetti li nstabu ma jaffettwawx is-sigurta` fit-triq jew ma jħallux impatt negattiv fuq l-ambjent. Dawn id-difetti għandhom jissewwew mill-aktar fis possibli.

M’għaddietx mit-test minħabba difetti maġġuri – Il-vettura m’għaddietx mit-test tal-VRT minħabba li d-difetti li nstabu jistgħu jaffettwaw is-sigurta` fit-triq, tpoġġi lil min juża t-triq f’riskju jew iħallu impatt ħażin fuq l-ambjent. Il-vettura għandha tissewwa fi żmien 16-il ġurnata u terġa’ tagħmel it-test tal-VRT.

M’għaddietx mit-test minħabba difetti perikolużi – Il-vettura m’għaddietx mit-test tal-VRT minħabba li d-difetti jikkostitwixxu riskju dirett u immedjat fuq is-sigurta` fit-triq jew iħallu impatt serju fuq l-ambjent. Il-vettura ma tistax tiġi misjuqa sakemm tissewwa u terġa’ tagħmel it-test tal-VRT.

Emissjonijiet tad-Diesel
Ser jiżdied l-infurzar fuq dawk il-vetturi li oriġinarjament ġew manifatturati b’Diesel Particulate Filter (DPF) u jinstabu li ġew imbagħbsa. Din ser tapplika wkoll għal vetturi tal-merkanzija li jużaw Adblue, speċifikament f’każijiet fejn jinstab li d-DPF ġie evitat jew eliminat. Il-vetturi ser jeħlu mit-test f’każ li jarmu duħħan ta’ kwalunkwe kulur mill-egżost. Id-diesel għandu impatt negattiv fuq l-ambjent u fuq is-saħħa akbar minn fjuwils oħra. Ir-reviżjoni tal-VRT test ser tiżgura li l-apparati li jikkontrollaw l-emissjonijiet ma ġewx imbagħbsa.

Id-dwal tal-vetturi
Il-VRT test aġġornat ser jaċċerta li l-vetturi kollha li ġew manifatturati minn Settembru 2009 ‘l hawn għandhom reverse lights jaħdmu u għal dawk il-vetturi li ġew manifatturati b’headlight washer, ser jaċċerta li dawn jaħdmu wkoll. It-test ser jagħmel ċert li l-vetturi li ġew manifatturati minn Marzu 2018 ‘l hawn għandhom Daytime Running Lights. Kwalunkwe indikaturi li juru li hemm ħsara fis-sistema tal-vettura, jitqiesu bħala diffett li jimmarka falliment.

Test tal-VRT wara aċċident serju
Vettura involuta f’aċċident serju trid tagħmel test tal-VRT ad hoc, wara li tissewwa, biex jiġi kkonfermat li l-vettura hija sikura fit-triq u li m’għandhiex impatt negattiv fuq l-ambjent.

Penalitajiet
Is-sidien tal-vetturi li ma jikkooperawx u ma jsegwux l-istruzzjonijiet tat-test tal-VRT jistgħu jeħlu sa massimu ta’ €500 jekk jinstabu ħatja. Individwi li huma ssuspettati li bagħbsu Odometer jistgħu jeħlu sa massimu ta’ €200 jekk jinstabu ħatja.

Test tal-VRT għal tratturi
Tratturi li jintużaw fit-triq u li għandhom veloċita` massima li taqbeż l-40KM/h issa jridu jagħmlu t-test tal-VRT.