Futbol Sport

Paul Zammit iġedded il-kuntratt ma’ Birkirkara

(Ritratt: Matthew Tabone)
Paul Zammit irritorna ma' Birkirkara wara żewġ logħbiet mill-bidu tal-istaġun 2017/2018

Il-kowċ ta’ Birkirkara Paul Zammit ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Birkirkara bi tliet snin biex se jkun marbut sal-istaġun 2021/2022. Il-klabb Karkariż ħatar ukoll physical trainer ġdid filwaqt li l-istaff tekniku kien konfermat.

Din l-aħbar isegwi l-istaġun li kellhom Birkirkara fejn irnexxielhom b’rimonta jidħlu fil-UEFA Europa League. Minbarra l-konferma ta’ Paul Zammit, l-assistenti tiegħu Mark Buttigieg u Godfrey Grima, kif ukoll il-kowċ tal-gowlkipers Ruben Debono kienu kollha konfermati.

Marco Caser se jkun il-physical trainer ġdid tal-klabb, b’Mark Buttigieg jaġixxi wkoll f’dan l-irwol matul l-istaġun li għadu kif intemm. Għal Caser din se tkun it-tieni esperjenza f’pajjiżna wara li kien ma’ Valletta fiż-żmien meta t-tim kien taħt it-tmexxija wkoll ta’ Paul Zammit.

Michael Valenzia ġie konfermat bħala d-Direttur Tekniku għal staġun ieħor. F’kummenti li ta lis-sit www.birkirkarafc.com, Valenzia esprima s-sodisfazzjon li Paul Zammit iffirma kuntratt ġdid filwaqt li faħħar il-ħidma tal-klabb biex ikollhom staff tekniku aktar professjonali.