Jismu Simon Schembri l-Pulizija li ttajjar kmieni dalgħodu f’Ħal Luqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena – każ li qajjem kaos fl-inħawi ta’ Ħal Luqa u Ta’ Kandja, fejn eventwalment ġie arrestat iż-żagħżugħ. Hu kien qed isuq karozza Mercedes ta’ lewn griż, bil-pjanċi misruqa.
Schembri għandu 49 sena, u hu missier ta’ 3 itfal.
Il-kuntistabbli Schembri qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei.
Is-sewwieq jismu Liam Debono, u hu minn Ħal Tarxien.
Intant, anke l-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kap tal-PN Adrian Delia wassal messaġġ ta’ solidarjeta’ mal-familja ta’ Simon Schembri.
Il-kelliem tal-PN għall-qasam tal-Pulizija, Beppe Fenech Adami, wassal l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-familja tal-kuntistabbli midrub f’dan il-mument diffiċli. “Il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra jikkundanna kull forma ta’ vjolenza li ssir fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija, li kuljum jissograw ħajjithom sabiex jagħtu l-ogħla forma ta’ sigurtà lin-nies. Għalhekk jistieden ukoll lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet kollha possibbli biex il-membri tal-Korp ikollhom kull protezzjoni waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.”
Anke l-Prim Ministru Joseph Muscat, li f’xi okkażjonijiet kien skortat mill-istess uffiċjal, esprima s-solidarjetà tiegħu mal-vittma u mal-familja tiegħu.
//= $special ?>