Wara li lbieraħ filgħaxija tħabbret uffiċjalment l-aħbar, illum Roberto Mancini ġie preżentat uffiċjalment bħala l-kowċ nazzjonali Taljan. Viżibbilment emozzjonat, Mancini qal li hi l-ħolma tal-kowċis kollha li jsiru kowċis tat-tim nazzjonali u żied li qiegħed fil-kariga fil-mument it-tajjeb, biex jibni u jwassal lit-tim Taljan fl-ogħla postijiet.
Mancini qal li wieħed isir kowċ nazzjonali ma tiġrix dejjem. “Kienet l-għażla ġusta u għażla sempliċi. Nirringrazzja lil kulħadd li riduni hawn, anki lill-kowċis tiegħi fiż-żmien meta kont nilgħab u għenuni nikber.”
Il-kowċ Taljan kompla li ilu jikkowċja għal diversi snin u jemmen li hu l-mument ġust biex jagħmel xi ħaġa għat-tim nazzjonali wara li l-Italja ma kkwalifikatx għat-Tazza tad-Dinja. Mancini qal li l-aktar ħaġa sabiħa dwar din il-kariga hi li ma għandux għalfejn ikun involut fis-suq tat-trasferimenti, u għalhekk mhux se jitkellem dwar akkwisti.
Mancini kien mistoqsi dwar il-futur ta’ Mario Balotelli u qal li l-Italja dejjem se ssib plejers ta’ kwalità u se jitkellem mal-plejer li probabbilment ikun imsejjaħ. Hu saħaq li jrid jara l-plejer fl-aqwa kundizzjoni bħal ma kien fl-Euro 2012.
Mistoqsi jekk hux se tkun l-aktar sfida diffiċli tal-karriera, qal li jekk ma tirbaħx ma’ klabb ikunu rrabjati l-partitarji tal-klabb, iżda jekk ma jirbaħx man-nazzjonal jirrabbjaw 50 miljun persuna. Mancini qal li tkun sodisfazzjoni sabiħa jekk jirnexxielu jirbaħ.
“Jien nemmen li l-kowċ nazzjonali għandu l-obbligu li jibqa’ viċin l-iskwadri taż-żgħażagħ, minkejja li kull tim għandu kowċ u anqas irrid intellef. Ovvjament se nsegwi b’ħafna attenzjoni t-tim ta’ taħt il-21 sena.”
Il-kowċ ta’ 53 sena tkellem ukoll fuq Gianluigi Buffon u Daniele De Rossi, b’Mancini jgħid li dwar De Rossi se jitkellem miegħu u jara x’inhuma l-intenzjonijiet tiegħu u kompla li l-plejers li se jkunu f’kundizzjoni tajba se jkunu mgħajjta. Dwar Buffon, Mancini qal li se jitkellem miegħu dwar il-partita tal-4 ta’ Ġunju.
Il-Kummissarju straordinarju tal-FIGC Roberto Fabbricini faħħar ix-xogħol ta’ Alessandro Costacurta u rringrazzja lil Mancini li rrifjuta l-kuntratt ma’ Zenit biex jagħżel lit-tim nazzjonal, minkejja kuntratt aktar attraenti.
Fabbricini faħħar lil Mancini bħala kowċ tajjeb ħafna u qal li se jkollu impenn kbir iżda hu fiduċjuż li se jmur tajjeb. “Irrid nirringrazzja wkoll lil Luigi Di Biagio, persuna ta’ kompetenza u korrettezza. Issa jirritorna għat-tim ta’ taħt il-21 sena, b’għan li jikkwalifika lit-tim għall-Kampjonat Ewropew u l-Olimpjadi.
Id-direttur ġenerali Taljan Michele Uva qal li bi kwalifikazzjoni fl-Euro 2020, il-kuntratt ta’ Mancini jiġi mġedded awtomatiku b’sentejn oħra.
//= $special ?>