Internazzjonali

Tensjoni kbira f’Gaza fost il-funerali tal-vittmi

 

Fil-Medda ta’ Gaza saru l-funerali tat-58 persuna li nqatlu, nhar it-Tnejn, wara li truppi Iżraeljani fetħu n-nar fuq dimostranti Palestinjani li kienu għaddejjin bi protesti. Dan kien l-aktar jum vjolenti u qattiel fil-Lvant Nofsani minn wara l-gwerra tal-2014 f’dak ir-reġjun.

Iċ-ċerimonji tad-difna saru waqt li l-Palestinjani kienu qed ifakkru s-70 anniversarju tan-‘Nakba’ – li wassal biex mijiet ta’ eluf ta’ Palestinjani jitkeċċew minn arthom fost it-twaqqif ta’ Iżrael bħala Stat.

Il-militar Iżraeljan illum ukoll kien involut f’diversi konfronti ġodda mal-Palestinjani fejn spikkaw fost oħrajn il-konfronti f’Hebron, fix-Xatt tal-Punent.

Madankollu, il-gruppi Palestinjan indikaw li beħsiebhom jrażżnu l-protesti.

Il-vjolenza tat-Tnejn seħħet waqt li l-Istati Uniti inawgurat l-ewwel Ambaxxata tagħha f’Ġerusalemm. Dan hu pass kontroversjali li jmur ‘il hinn mill-politika Amerikana preċedenti li ilha stabbilita s-snin, minbarra li qed iqanqal ir-rabja tal-Palestinjani li jridu li Ġerusalemm tal-Lvant ikun il-kapitali ta’ Stat tal-Palestina futur.

Fl-aħħar sigħat, l-uffiċjali Palestinjani qalu li, minbarra l-maqtula, il-konfronti tat-Tnejn ħallew ukoll ‘il fuq minn 2,700 midruba. Huma kundannaw il-vjolenza ta’ dakinar bħala ‘massakru’ waqt li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li l-militar tiegħu ‘kien qed jiddefendi lilu nnifsu kontra l-militanti tal-Hamas li qed jikkontrollaw Gaza u li huma determinati li jeqirdu lil Iżrael’.

Uffiċjali tal-Armata Iżraeljana, fl-istess ħin, sostnew li s-suldati tagħhom ‘sparaw biss lejn aggressuri li kienu għaddejjin b’attività terroristika’.

L-aħħar rapporti qalu li numru ta’ Palestinjani kienu qed jagħtu d-demm fl-isptar ewlieni ta’ Gaza fejn qed ikunu trattati ħafna mill-midruba fil-vjolenza tat-Tnejn. Dan meta kien għadu qawwi x-xokk ‘għall-massakru’ fost ir-residenti ta’ Gaza.

Il-protesti tat-Tnejn mill-Palestinjani kontra t-twaqqif ta’ Iżrael (fl-1948) kienu simili għal oħrajn li saru fil-ġimgħat preċedenti. Intant, Iżrael tenna li xi 40,000 Palestinjan, nhar it-Tnejn, ‘ħadu sehem f’irvellijiet vjolenti’ fi 13 il-lokalità tul il-fruntiera tiegħu mal-Lvant ta’ Gaza.

Min-naħa tiegħu, Benjamin Netanyahu, filwaqt li akkuża lill-Hamas dwar il-vjolenza, tenna li ‘kull pajjiż għandu l-obbligu li jiddefendi l-fruntieri tiegħu’.