Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia laqa’ fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali lill-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Tonio Borg li ppreżentalu sett kotba li kiteb.
Akkumpanjat minn Gordon Pisani minn Kite Group, huma nisslu memorji ta’ xulxin hekk kif Tonio Borg ilu jaf lil lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista sa minn meta dan tal-aħħar kien għadu student.
Il-kotba jvarjaw mill-iktar wieħed riċenti, Disa’ Kriżijiet, li hu ktieb storiku tal-kriżijiet fil-Parlament, għal oħrajn umoristiċi bħal Nidħqu Bina Nfusna.
Adrian Delia nnota li kotba bħal dawn jippreżentaw lill-politiku bħala uman lill-poplu u qal li pajjiżna għandu bżonn iktar kotba bħal dawn għaliex iressqu l-politika qrib il-poplu u jnaqqsu t-tensjoni politika.
Iddeskriva l-kitba ta’ Tono Borg bħala metodu ġenjali, bi stejjer reali li xi kultant inisslu tbissima imma wkoll joffru spunt storiku u informazzjoni imprezzabbli.
Dan filwaqt li faħħar lil Borg, avukat, kittieb, politiku u studjuż li fissru bħala xhieda ta’ persuna li ma jieqaf qatt jagħti lis-soċjetà tagħna.
Ix-xewqa ta’ Tonio Borg hi li sakemm jibqa b’saħħtu, jibqa’ jippubblika ktieb kull sena dwar il-politika Maltija.
//= $special ?>
