L-ebda tim Franċiż qatt ma rebaħ l-Europa League, u Atletico Madrid se jagħmlu minn kollox biex dan ma jseħħx. Iż-żewġ timijiet se jissieltu kontra xulxin f’Lyon, f’logħba li mistennija tkun missielta b’żewġ attakki perikolużi.
Atletico se jidħlu għal din il-logħba bħala favoriti wara li eliminaw lil Arsenal fis-semifinali, minkejja li se jkollhom jgħaddu mingħajr il-kowċ influwenti tagħhom Diego Simeone li qed iservi sospensjoni ta’ erba’ logħbiet.
Din il-logħba tista’ tkun l-aħħar waħda għal Antoine Griezmann minħabba l-interess ta’ Barcelona. Hu mistenni jmexxi l-attakk ma’ Diego Costa hekk kif l-Ispanjoli se jippruvaw jirbħu l-kompetizzjoni għat-tielet darba.
L-avversarji tagħhom Olympique Marseille ssieltu biex jikkwalifikaw mill-fażi tal-gruppi u qed jittamaw fi prestazzjonijiet tajba tal-plejers offensivi Florian Thuavin u Dimitri Payet li se jirritornaw fit-tim. It-tnejn jistgħu jkunu strumentali biex Marseille jippruvaw jirbħu kompetizzjoni Ewropea wara r-rebħ taċ-Champions League fl-1993.
Payet hu l-aktar plejer b’assists fit-tournament u l-esperjenza tiegħu flimkien ma’ Luiz Gustavo u Adil Rami tista’ tkun essenzjali biex tgħin lit-tim.
L-aħħar darba li Atletico Madrid rebħu l-kompetizzjoni kien sitt snin ilu u jħarsu lejn din il-finali biex ikollhom staġun pożittiv fl-Ewropa wara li kienu eliminati mill-fażi tal-gruppi taċ-Champions League.
//= $special ?>