Fil-final li ntlagħbet illum f’Lyon, Atletico Madrid għelbu lil Olympique Marseille 3-0 biex għat-tielet darba fl-istorja tagħhom rebħu l-Europa League wara s-suċċessi miksub fl-2010 kontra Fulham u sentejn wara kontra Athletic Bibao.
Forsi l-verdett hu kiefer wisq fil-konfront tat-tim immexxi minn Rudi Garcia li ma kienx jistħoqqlu telfa bi skor daqshekk kbir. Kienu Marseille li wara ftit minuti fallew ċans tad-deheb permezz ta’ Payet li xeħet għoli minn qagħda ideali, bl-istess plejer ikollu jħalli l-grawnd imweġġa’ ftit wara n-nofs siegħa.
Atletico Madrid fetħu l-iskor fil-21 minuta permezz tal-attakkant Antoine Griezmann li ħataf inċertezza fid-difiża ta’ Marseille u għeleb lil Mandanda. Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-istess plejer skorja t-tieni gowl b’lob preċiż mill-viċin wara azzjoni ferm tajba tal-Ispanjoli.
Marseille ippruvaw minn kollox biex jidħlu mill-ġdid fil-logħba u kienu wkoll sfortunati li għaxar minuti mit-tmiem daqqa ta’ ras ta’ Mitroglou li kien għadu kif daħal bħala sostitut, ħabtet mal-lasta. Minuta mit-tmiem kien Gabi li skorja t-tielet u l-aħħar gowl b’xutt angolat mill-viċin.
Wara l-logħba l-President tal-UEFA Ceferin ippreċenta t-Tazza lil Atletico li għal din il-final kienu f’idejn l-assistent German Burgos għaliex Simeone kien sospiż.
//= $special ?>