Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa, rreaġixxa b’mod immedjat għal dak żvelat mill-MP Jason Azzopardi, li somom kbar ta’ flus qed jiġu transferiti mill-Bank Ċentrali ta’ Malta lill-kredituri tal-Bank Pilatus, u bagħat ittra liċ-Chairperson tal-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, li fiha nformaha bl-aħħar żviluppi u talab lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jinvestiga dawn il-fatti.
Aktar kmieni llum fil-Parlament Malti, l-MP Azzopardi żvela li minn Marzu 2018, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed iħallas permezz ta’ kreditu dirett onlajn lill-kredituri tal-Bank Pilatus. F’dan id-dawl, l-MEP Casa talab lill-Bank Ċentrali Ewropew biex:
1. jistabbilixxi jekk dawn il-flus ġewx mill-kontijiet personali tal-Bank Pilatus jew hux qed jiġu mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi, u jekk hu dan tal-aħħar, għandu jiġi investigat kif il-Bank Pilatus qed jipjana li jħallashom lura;
2. jeżamina jekk dawn it-trasferimenti kienux neċessarji biex tiġi salvagwardjata s-sistema bankarja skont ir-regoli tal-Unjoni Ewoprea;
3. jinvestiga jekk kienx hemm bżonn l-awtorizzazzjoni tal-MFSA biex dawn it-trasferimenti setgħu jsiru, u jekk din ingħatatx;
4. jimmonitorja fid-dettall it-tranżazzjonijiet kollha li qed isiru mill-Bank Ċentrali ta’ Malta għan-nom tal-Bank Pilatus.
L-MEP Casa qal li dak żvelat fl-aħħar siegħat jista’ jkollu implikazzjonijiet serji, u hu ta’ tħassib li dawn it-trasferimenti inżammu sigrieti mill-pubbliku.
//= $special ?>