Lokali

Il-kuntistabbli Simon Schembri juri “sinjali pożittivi” għalkemm għadu gravi fl-ITU

Il-pulizija tilef idu l-leminija

Wara lejl fl-ITU, il-pulizija li ġie mkaxkar għal diversi metri minn karozza f’Ħal Luqa qed jirrispondi tajjeb ħafna għall-interventi mediċi li sarulu.

Ilbieraħ, it-tobba f’Mater Dei għamlu operazzjoni metikoluża fuq il-parti leminija ta’ ġismu. Għalkemm Simon Schembri tilef idejh, l-intervent li sarlu kien importanti biex għadu ħaj, u issa qed jirrispondi b’mod pożittiv.

Il-kuntistabbli Schembri għandu ferita kbira fuq sidru, u fl-inċident kellu 14-il kustilja miksura.

Il-vittma, għalkemm jinsab stabbli, xorta għadu f’kundizzjoni gravi. U s-sorsi tagħna mill-isptar Malter Dei qed jgħidulna li s-sigħat li ġejjin se jkunu kruċjali.

Minħabba li f’din l-operazzjoni intużaw provvisti kbar ta’ demm, iċ-Ċentru għat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella lid-donaturi biex min jista’ jmur jagħmel donazzjoni ta’ demm tul il-ġurnata tal-lum. Min jixtieq iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm hu mitlub iċempel 8007 4313, 79307 307 jew iżur il-websajt www.blood.gov.mt. Wieħed jista’ jirrikorri wkoll għall-paġa ta’ Facebook www.facebook.com/bloodmalta.

Intant, il-Forum Unions Maltin fi stqarrija maħruġa llum esprimew solidarjeta’ mal-kuntistabbli li ndarab serjament ilbieraħ.