Lokali

IS-SIBT LI ĠEJ: mixja ta’ solidarjetà organizzata mill-unions tal-Pulizija

Iż-żewġ unions urtati għall-fatt li l-Korp tal-Pulizija ma ħareġ l-ebda stqarrija

Nhar is-Sibt li ġej, għall-ewwel darba fl-istorja, il-Pulizija ser jinżlu fit-toroq f’mixja ta’ solidarjetà wara l-agressjoni fil-konfront tal-Kuntistabbli Simon Schembri.

Dan ħabbru l-President tal-Police Officers’ Union, l-Ispettur Sandro Camilleri, hekk kif kien qed jitkellem fuq il-programm Net Live, fejn ħeġġeġ lill-pubbliku jinżel flimkien fil-mixja organizzata mill-Police Officers’ Union u l-Malta Police Association.

Filwaqt li spjega li d-dettalji tal-mixja ser jitħabbru għada, huwa insista li l-każ tal-Kuntistabbli Simon Schembri mhux wieħed iżolat hekk kif bħala medja uffiċjal tal-Pulizija fil-ġimgħa jidħol l-Isptar Mater Dei għall-kura – dan apparti t-theddid verbali u fuq il-midja soċjali li jirċievu ċertu Pulizija.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MPU Robert Vella saħaq li biex isir xi ħaġa f’dan il-pajjiż trid iseħħ traġedja. Huwa insista li inċident bħal dan kien ilu jberren u sfortunament dan seħħ u kellha tmiss lill-Kuntistabbli Schembri. Kemm Sandro Camilleri kif ukoll Robert Vella esprimew id-diżappunt tagħhom li wara l-aħbar ta’ dan il-każ ma ħarġet l-ebda stqarrija min-naħa tal-Korp tal-Pulizija.

Sandro Camilleri saħaq li huwa veru li l-istatistika qed turi li l-kriminalità f’pajjiżna qed tonqos madanakollu l-membri tal-Korp qed iħallsu prezz għoli għal dan ir-riżultat mingħajr ma jingħataw is-sostenn meħtieġ mill-Awtoritajiet.

Iż-żewġ rappreżentanti nsistew li l-arroganza fil-konfront tal-Pulizija qed tiżdied fejn ta’ kuljum l-uffiċjali jridu jħabbtu wiċċhom ma’ nies li m’għandhom l-ebda rispett lejn l-awtorità – madanakollu ammetta li s’issa attakk ta’ feroċja daqs dak tat-Tlieta filgħodu qatt ma rajnieh fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.

Huma kkundannaw kategorikament il-kummenti mimlija kattiverja u odju fuq il-midja soċjali li bdew jingħadu ftit wara li tħabbar il-każ makabru li seħħ f’Ħal Luqa. Huma saħqu li mill-Korp stess għandha tittieħed azzjoni hekk kif ħadd ma jindenja ruħu jieħu passi fil-konfront ta’ dawn ir-reati abbużivi.