Futbol Sport

Moyes iħalli lil West Ham

David Moyes mexxa lil West Ham sat-13-il post fil-Premier League

David Moyes ħalla lil West Ham wara t-tmiem tal-kuntratt qasir tiegħu. L-assistenti tiegħu Alan Irvine, Stuart Pearce u Billy McKinlay ukoll telqu b’effett immedjat. L-aħbar waslet ftit wara li wieħed mis-sidien ta’ West Ham David Gold, qal li jittama li Moyes jibqa’ fit-tmexxija għal staġun ieħor.

Iċ-chairman l-ieħor tal-klabb David Sullivan irringrazzja lil David Moyes u l-istaff tiegħu talli laħqu l-mira li jżommu lil West Ham fil-Premier League. Hu qal li fiż-żmien kemm dam, Moyes ħadem b’dinjità u onestà u ħadu pjaċir jaħdmu miegħu.

“Qed nittamaw li naħtru persuna ta’ kalibru fl-għaxart ijiem li ġejjin, li nħossu li jista’ jmexxi t-tim għal futur eċċitanti għall-partitarji leali tagħna,” qal Sullivan.

Hu mifhum li l-manager ta’ Newcastle Rafael Benitez u l-eks manager ta’ Manchester City Manuel Pellegrini huma fost il-favoriti li jirbħu Moyes. Hu mifhum li bejn 30 u 40 manager esprimew interess għal din il-kariga.

Moyes tħabbar bħala s-suċċessur ta’ Bilic f’Novembru tas-sena l-oħra, meta l-klabb kien fiż-żona tar-relegazzjoni. Il-Hammers spiċċaw fit-13-il post fil-Premier League.