Għaxar xhur ta’ ħidma bla heda minn Fr Charles Vella u l-Fondazzjoni tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann taw lura lil ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin u turisti pittura mill-isbaħ li issa se tkun esebita fis-sagristija tal-Kon Katidral fil-Belt Valletta.
Il-pittura, li mux magħruf min pittirha u meta, hi pjuttost partikolari għaliex turi l-Inkurunazzjoni tal-Madonna mit-Trinita Mqaddsa u fl-istess waqt ukoll it-tlugħ is-sema tal-Madonna. Hi partikolari wkoll għad-daqs enormi tagħha.
Il-pittura kienet fi stat diżastruż. Kien ilha merfugħa għal għexieren ta’ snin, wara li tneħħiet mit-tila fi żmien il-gwerra, intwiet u wara tpoġġiet fil-kripta – l-agħar ħaġa li tista’ ssir lil pittura antika.
Matul is-snin sarulha wkoll numru ta’ interventi u rtokki li ma kinux fidili għall-arti oriġinali kif ukoll kellha ħruq li aktarx ġie kkawżat minn xemgħat wisq qrib tagħha. Dan apparti l-ħmieġ li akkumula matul is-snin li għatta l-arti tant li bilkemm baqa’ jintagħraf is-suġġett.
Fi kliem il-kuratriċi Cynthia Degiorgio, hu maħsub li mal-40% kienet qed tintilef. Iżda xogħol b’reqqa kbira ħareġ mill-ġdid il-kuluri sbieħ u vivaċi tipiċi tas-seklu 17 u tefgħu dawl fuq it-teknika u kwalità tal-pittura. Inkixfet ukoll it-tila oriġinali li hi ta’ kwalità straordinarja.
Ix-xogħol kien possibbli wkoll grazzi għal iktar minn 480,000 viżitatur fis-sena li jsegwu l-Kon Katidral. Minn dan id-dħul, iktar pitturi jinsabu fil-proċess li jiġu restawrati.
Bħalissa għaddej ukoll xogħol fuq il-mużew tal-Kon Katidral, fejn mistenni jiġi ntrodott ukoll kunċett ġdid li l-viżitaturi jsegwu minn wara ħġieġa waqt li r-restawraturi jkunu għaddejjin b’xogħolhom fuq il-pitturi.





