Lokali

“Tidfnuniex ħajjin” – l-għajta tar-residenti ta’ Pembroke

Diversi attivisti, Deputati Parlamentari, u rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali u mhux governattivi ingħaqdu mar-residenti ta’ Pembroke fi protesta kontra l-proġett kontroversjali tal-Grupp DB fil-bajja ta’ San Ġorġ minflok l-Istitut tal-Istudji Turistiċi.

Il-proġett kien kontroversjali mill-bidu nett tiegħu hekk kif l-iżviluppatur ingħata konċessjoni ta’ 99 sena bil-prezz ta’ €60 miljun b’nefqa inizzjali ta’ €15 miljun.

Ir-residenti huma mħassbin għall-kobor esaġerat tal-bini li se jitfa’ dell enormi  fuq ir-residenzi tal-madwar.

Tbatija oħra hi n-numru kbir ta’ inġenji, krejinijiet u trakkijiet ġejjin u sejrin mis-sit għal tliet snin sħaħ bid-dħaħen u t-trabijiet fl-arja li se jġib miegħu. Dan minbarra iż-żieda qawwija fit-traffiku li l-proġett mistenni jiġġenera ladarba jitlesta.

Huma qalu li dan il-proġett se jħalli effett negattiv fuq Għar Ħarq Ħamiem u se jbiddel għal kollox il-karattru ta’ Pembroke.

Preżenti għal din il-protesta kien hemm Deputati tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Demokratiku u rappreżentanti tal-Alternattiva Demokratika.