Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lill-attur komiku Charles Thake

Charles Thake kien raġel li ta ferħ u għen lil ħafna nies. Minkejja s-suċċess li kiseb fil-karriera tiegħu, hu baqa’ jqis lin-nies ta’ madwaru bħala individwi, kulħadd bid-dinjita’ tiegħu.

Hekk iddeskriva lil Charles Thake fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Emeritus Monsinjur Pawlu Cremona hekk kif l-Erbgħa waranofsinhar, fil-Knisja tal-ħniena divina fin-Naxxar, ingħatat l-aħħar tislima lill-wieħed mill-iktar komiċi ta’ suċċess fix-xena tal-ispettaklu Maltija.

Charles Thake miet is-Sibt fl-għomor ta’ 90 sena. Fl-omelija tiegħu Mons Cremona jiftakar kif Charles Thake kellu mħabba kbira lejn il-familja u kif wiċċu kien jixgħel meta jiġu n-neputijiet id-dar.

Qal li minbarra l-karriera tiegħu fuq il-palk, Charles Thake kien ħadem ukoll fil-qasam soċjali u Mons Cremona tenna li hu kellu daqstant sodisfazzjon għal kemm irnexxielu jgħin nies fil-qasam soċjali.

L-Arċisqof Emeritu qal li Charles Thake hu persuna li ħasset il-preżenza ta’ Alla f’ħajjitha.

Qal li n-nisrani li jemmen fl-eternita’ u fil-Qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu. Dan il-qawmien, kompla Monsinjur Cremona, kien biex kulħadd iqum għall-ħajja ta’ dejjem.

Preżenti għall-aħħar tislima lil Charles Thake kien hemm il-Kap tal-PN Adrian Delia, il-Viċi Kap David Agius, l-eks Kapijiet tal-PN kif ukoll diversi Deputati.