Il-Moviment Graffitti fi stqarrija ħeġġeġ lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ma tapprovax iktar proġetti marbuta ma’ dawk li sejjħitilhom “kumplessi tax-xiri” taparsi pompi tal-petrol, li mhux biss m’hawnx bżonnhom, imma qed jinbnew fuq art ODZ. “Applikazzjonijiet bħal dawn m’għandhomx jiġu diskussi qabel ma tkun riveduta l-policy dwar il-pompi tal-petrol.”
Din ir-reviżjoni ġiet ippubblikata xi ġimgħat ilu mill-ERA iżda għadha ma ġietx approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar, u għalhekk għadha ma daħlitx fis-seħħ. “Ma jagħmilx sens li l-applikazzjonijiet pendenti jiġu deċizi abbażi ta’ policy li l-awtoritajiet stess qed jammettu li hija difettuża, irrispettivament mill-fatt jekk dawn hux se jiġu approvati jew miċħuda.”
L-istqarrija tgħid illi l-applikazzjonijiet li se jiġu diskussi llum jinvolvu l-bini ta’ proġetti kbar, wieħed f’tal-Balal, San Ġwann u ieħor f’Ħaż-Żebbuġ li jinkludu mhux biss pompi tal-petrol, kif qed jiġu msejħa, imma faċilitajiet oħra li qegħdin jiġu proposti inkluż ħwienet u servizzi oħra. Dawn iż-żewġ proġetti m’għandhomx jiġu approvati għal diversi raġunijiet fosthom għax m’hemmx bżonn aktar proġetti ta’ dan it-tip. Fil-fatt, qalu Graffiti, it-tnejn li huma qed jiġu proposti li jinbnew ftit mijiet ta’ metri biss il-bogħod minn pompi oħra. Dan apparti l-impatt fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja u l-fatt li ħafna minn dawn il-pompi qed jinbnew fuq art ODZ.
“Il-Moviment Graffitti jittama li l-Awtorità tal-Ippjanar tirrealizza l-ħsara li qed tagħmel jekk tibqa` tieħu deċiżjonijiet bħal ma diġà ħadet fir-rigward ta’ proġetti simili u tisma’ l-vuċi ta’ dawk kollha li wrew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom għal dawn iż-żewġ proġetti bla sens u bla bżonn.”
//= $special ?>