Basketball Sport

Hibernians jirbħu l-ewwel kampjonat tal-Basketball tal-irġiel mill-1990

Jegħlbu lil Gżira Athleta 3-1 fil-finali tal-play-offs

GŻIRA ATHLETA ………63

HIBERNIANS……………75

(10-25, 23-11, 10-16, 20-23)

Gżira: M. Naudi (22), P. Shoults (3), L. Stefanovic, F. Mifsud Bonnici (2), O. Said, M. Gouder (4), N. Xuereb (7), S. Vincic, I. Mitrovic (9), J. Feiler (16)

Hibernians: R. Vella (11), P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia, S. Attard, I. Bonett, L. Tardito (5), A. Axiaq (3), M. Matijevic (17), A. Lizaur (21), F. Mariani, C. Patus (18)

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Nicky Azzopardi

Wara 28 sena ta’ stennija, Hibernians reġgħu saru Champions tal-Basketball wara li fir-raba’ logħba għelbu lil Gżira Athleta 75-63 biex għalqu l-finali tal-play-offs 3-1. Dan kien ir-raba’ unur għal Hibernians wara li rebħu wkoll in-knock-out, it-Tazza Louis Borg u s-St. James Hospital Shield.

Hibernians kienu reġgħu bdew it-tim tal-irġiel tliet snin ilu u bnew tim li wassalhom għal dan is-suċċess, b’diversi plejers żgħażagħ li telgħu mis-settur taż-żgħażagħ tagħhom li flimkien ma’ plejers aktar ta’ esperjenza wasslu għal dan is-suċċess.

Athleta kienu rebħu l-ewwel logħba, iżda Hibernians rebħu tliet logħbiet konsekuttivi biex ma hemmx bżonn il-ħames logħba. Il-Pawlisti fetħu tajjeb u wara li Athleta rkupraw, it-tul tal-plejers ta’ Hibernians għamel id-differenza. Fil-mumenti deċiżivi, kienu l-veterani Marco Matijevic u Chad Patus li spikkaw.

Bidu tajjeb għal Hibernians li wara ħames minuti kienu diġà14-1 minn fuq. Il-kowċ ta’ Athleta daħħal liż-żagħżugħ Nathan Xuereb, b’Athleta jiddefendu aħjar lis-shooters ta’ Hibernians li bdew isibuha diffiċli aktar biex jikkonkludu. Hibernians spiċċaw l-ewwel sessjoni 25-10 minn fuq.

Athleta kienu aktar aggressivi fit-tieni perjodu, b’Francesco Mifsud Bonnici jidħol flok Peter Shoultz li deher aktar nervuż. Hibernians tilfu r-ritmu u l-preċiżjoni, b’Athleta jirkupraw u d-distakk niżel għal 27-23 sar-raba’ minuta.

Il-kowċ ta’ Hibernians għamel xi bidliet biex jirranġa lit-tim, bil-Pawlisti jidħlu jistrieħu 36-33 minn fuq, wara li Athleta kienu għamlu l-iskor parzjali 30-30.

Bidu tajjeb minn Hibernians fit-tielet sessjoni wassal biex Hibernians fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti. Minkejja li Athleta pruvaw jirkupraw, Hibernians ikkontrollaw il-vantaġġ u bdew l-aħħar għaxar minui 52-43.

Permezz tal-veterani Chad Patus u Marco Matijevic, Hibernians żammew lil Athleta għaxar punti bogħod. Athleta pruvaw jippressaw sal-aħħar, iżda tilfu lil Nathan Xuereb, Ivan Mitrovic u Peter Shoults bil-ħames fawls, filwaqt li Anton Axiaq spiċċa barra għal Hibernians, bil-partita tkun mitmuma.

Fi tmiem il-partita l-Kap Eżekuttiv tal-BOV Peter Perotti preżenta t-trofew tal-MVP tal-finali lil Chad Patus u t-trofew ta’ champions lill-captain Marco Matijevic.