Lokali

Il-‘Fulu’ ordnat sabiex ma jħarisx lejn l-avukati tal-familja Caruana Galizia

Ritratt: Arkivji

Theddida serja fil-kurituri tal-Qorti qajmet tensjoni kbira. Dan hekk kif allegatament Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘il-Fulu’, wieħed mill-allegati eżekuturi fl-assassinju makabru ta’ Daphne Caruana Galizia insetmgħa jgħid ‘inneħħuha lil din, inneħħuha lil din’ waqt li, b’idejh immanettjati beda jipponta lejn l-avukata tal-familja Caruana Galizia u membru tal-Oppożizzjoni Therese Comodini Cachia.

Dan seħħ għall-ħabta tal-4 ta’ waranofsinhar hekk kif l-akkuzat kien qed jiġi gwidat minn tlett gwardjani tas-sigurtà quddiem għajnejn iż-żewġ avukati l-oħra li qed jirrapreżentaw lill-familja Caruana Galizia. Għaldaqstant, l-avukati Jason Azzopardi, Eve Borg Costanzi u Therese Comodini Cachia avżzaw lil Imħallef  Lorraine Schembri Orland b’dak li kien intqal.

Kien hawnhekk li l-Imħallef għajtet lix-xhieda – l-avukat li qed jirrappreżenta lil Degiorgio, William Cuschieri saħaq li għalkemm ma semaħx għax dak il-ħin kien qiegħed fejn il-lift, huwa lemaħ lill-gwardjani tas-sigurtà jipprovaw jikkalmawh. Madanakollu it-tlett membri tas-sigurtà ċaħdu li l-akkużat għadda xi kumment jew li kien b’xi mod jew ieħor aġitat.

Filwaqt li l-‘Fulu’ ċaħad li lissen dan id-diskors, Therese Comodini Cachia saħqet li ratu aġitat aktar mis-soltu.

L-Imħallef wasslet għal konklużjoni li Alfred Degiorgio m’għandu bl-ebda mod iħares lejn l-avukati tal-familja Caruana Galizia jew ilissen kliem ta’ theddid fil-konfront tagħhom. Hija wissietu li jekk imur kontra l-kelma tal-Qorti, ser ikollhom jittieħdu passi serji.