Internazzjonali

Il-Korea: Lejn medjazzjoni biex jitneħħew dubji dwar is-summit

Il-Korea t’Isfel qalet  li għandha taqdi r-rwol ta’ medjatur wara t-theddida mill-Korea ta’ Fuq komunista li tirtira mis-summit storiku mal-Istati Uniti li jitratta d-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana.

Il-Korea ta’ Fuq, din il-ġimgħa, qalet li ‘tista’ ma tattendix’ is-summit tat-12 ta’ Ġunju f’Singapore, f’każ li l-Istati Uniti tkompli tinsisti biex hi twarrab b’mod unilaterali għall-ħażna nukleari tagħha.  Il-Korea ta’ Fuq żviluppat il-ħażna ta’ materjal nukleari bi sfida għar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tinsisti li għamlet hekk ‘biex twieġeb għall-ostilità ta’ Washington’.

Id-dubji dwar il-prospetti tas-summit storiku bejn il-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un u l-President Amerikan, Donald Trump, qamu, f’nof il-ġimgħa, meta r-reġim fi Pyongyang ikkundanna eżerċizzji militari li qed iwettqu flimkien l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel. Pyongyang fisser dawn l-eżerċizzji bħala provokazzjoni waqt li deċieda biex jirtira minn taħditiet ta’ livelli għoli mal-Korea t’Isfel.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea t’Isfel, Kang Kyung-wha, qalet lill-Parlament f’Seoul li l-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti għandhom ‘id-differenzi’ dwar kif  jaslu lejn id-denuklearizzazzjoni fil-peniżola Koreana. Dan waqt li Donald Trump ammetta, f’nofs il-ġimgħa, li ‘kien għadu mhux ċar’ jekk għandux isir is-summit tiegħu ma’ Kim.

Intant, uffiċjali qrib il-Presidenza tal-Korea t’Isfel qalu li pajjiżhom beħsiebu ‘jattwa b’mod aktar attiv ir-rwol ta’ medjatur bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq’.

Il-Korea t’Isfel qed taħseb ‘biex twassal, b’mod aktar dettaljat, lill-Istati Uniti dak kollu li taf dwar il-pożizzjoni u l-aġir tal-Korea ta’ Fuq, u fejn, fl-istess ħin, tispjega l-pożizzjoni tal-Amerikani lil Pyongyang’. Dan bit-tama li jonqos mill-inkwiet potenzjali li kapaċi jtellef is-summit ta’ Singapore.

Sadanittant, il-Ministru Kang, waqt li wieġbet għal domanda speċifika, qalet li ‘hi tafda lil Kim Jong-un’.