Il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura formali fil-konfront ta’ Malta u tmien pajjiżi oħra wara li dawn naqsu milli jdaħħlu fis-seħħ direttiva ġdida li suppost kellha tkun implimentata sas-6 ta’ Frar li għadda.
Id-direttiva għandha l-iskop li ssaħħaħ il-protezzjoni fil-konfront tal-ħaddiema, popolazzjoni u pazjenti mill-periklu konsegwenza ta’ espostazzjoni fit-tul għal radjazzjoni.
Fost il-miżuri li ddaħħal fis-seħħ id-direttiva hemm ukoll tisħiħ tal-proċeduri f’dak li għandu x’jaqsam mal-preparazzjoni u r-rispons f’każ ta’ emerġenza maħluqa minn inċident li jinvolvi r-radjazzjoni b’mod speċjali wara l-inċident nukleari ta’ Fukushima.
Dan il-każ kien seħħ fl-2011, fil-Ġappun, meta sensiela ta’ splużjonijiet ħolqu inċident nukleari li fortunatament ma wassalx għal imwiet. Madankollu r-radjazzjoni ħalliet effetti, inkluż mard bħall-kanċer.
Madankollu, u minkejja l-importanza tal-aġġornamenti intiżi biex isaħħu s-sigurtà, pajjiżna hu fost il-pajjiżi li baqa’ ma’ implimentax din id-direttiva b’mod sħiħ fil-liġijiet tal-pajjiż.
Minbarra Malta, infetħu proċeduri wkoll fil-konfront tal-Italja, Ċipru, il-Fillandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall kif ukoll l-Iżvezja. Dawn il-pajjiżi issa għandhom xahrejn biex jirrispondu lill-Kummissjoni.
//= $special ?>