Sport Sport Ieħor

Imut il-kowċ tal-ġinnastika Albert Chun

Tħabbret il-mewt ta’ Albert Chung Yin Chun sinonimu mal-ġinnastika f’pajjiżna wara li għal bosta snin kien il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika kif ukoll għal żmien twil kowċ tat-Tim Nazzjonali Malti tal-ġinnastika.

Albert Chun kellu 57 sena u miet wara li dan l-aħħar kien rikoverat l-isptar. Chun kien ukoll wieħed mill-kowċis ewlenin fi ħdan l-Iskola Nazzjonali tal-Isport responsabbli mill-ġinnastika. Huwa kien miżewweġ lil Selina Chun u kellu tifla Chloe.

Hu kienu ilu f’pajjiżna mill-1992 u mill-ewwel snin għamel impatt fil-qasam tal-ġinnastika lokali sforz l-esperjenzi tiegħu ma’ diversi ġinnasti fiċ-Ċina u oħrajn mill-għażliet nazzjonali ta’ Hong Kong u l-Istati Uniti.

F’pajjiżna nieda wkoll l-iskola tal-ġinnastika li huwa stess kien imexxi u jħarreġ ġinnasti ta’ talent. Fost l-atleti Maltin li tħarrġu taħt Albert Chun, hemm il-ġinnasta Peppijna Dalli fejn immexxija minnu, kisbet l-akbar suċċess fl-2015 fil-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa li kienu saru f’Reykjavik, fl-Iżlanda.