Lokali Parlament

Il-Ministeru jgħaddi informazzjoni lill-Partit Laburista

Is-sezzjoni tal-Customer Care tal-Ministeru tal-Ambjent tagħti informazzjoni lill-Customer Care tal-Partit LAburista.

Qal dan Pierre Vassallo Chief of Staff tal-Ministru Jose Herrera waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi. Vassallo qal li telefonati u laqghat bejn iż-żewġ naħat saru kemm il-darba.

Hu qal dan waqt li kien qed jagħti x-xhieda tiegħu dwar l-ingaġġ ta’ ħaddiema mal-Wasteserv b’mod partikolari ġimgħa qabel l-elezzjoni tal-2017.

Il-Kap eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello fis-seduti preċedenti qal li 60 fil-mija tal-impjegati tal-Wasteserv ġew ingaġġati qabel l-elezzjoni tal-2017 bi tletin fil-mija minnhom ġejjin mill-ewwel distrett elettorali. Dan hu l-istess distrett li fih jikkontesta l-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera li hu politikament responsabbli mill-Wasteserv.

Fil-fatt l-oppożizzjoni qalet li bejn il-5 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju tas-sena 2017 kienu ingaġġati 56 persuna mal-Wasteserv. Skont Pierre Vassallo dawn il-ħaddiema kienu meħtieġa fil-unit għat-tmexxija tal-Widien minħabba li kien hem ħmieġ fil-widien li kien se jwassal għal għargħar f’każ ta’ xita.

Meta mistoqsi jekk kienx ikun aħjar li jkun hem ċaqliq ta’ ħaddiema tal-Public Works lejn il-Wasteserv milli jiġu mpjegati ħaddiema ġodda Vassallo ma kienx jaf iwieġeb.

Fil-laqgħa li jmiss tal-PAC mistenni li jagħti x-xhieda tiegħu l-Ministru Jose Herrera.