Futbol Sport

Jiftħu l-applikazzjonijiet tal-MFPA Life After Football Scholarship

Inizjattiva mill-MFPA

L-inizjattiva li ħadet l-MFPA ftit xhur ilu qed tkompli tiżviluppa hekk kif fetħu l-applikazzjonijiet tal-MFPA Life After Football Scholarship. Din il-borża ta’ studju se tippermetti lil dawk il-plejers li jitħarrġu mal-klabbs rispettivi fuq bażi full-time, jattendu korsijiet fl-MCAST u l-ITS bi skeda flessibbli.

Dan qed isir għaliex l-MFPA temmen li l-isport u l-edukazzjoni mhux biss huma kompatibbli fil-ħajja tal-individwu, iżda huma ta’ benefiċċju kbir għal xulxin.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Plejers daħlet għal dan il-proġett biex tgħin lill-plejers fiż-żewġ karrieri u se tkun qed tgħin lil dawk li jkun f’dan il-kors billi tkopri l-ispejjeż ta’ eżamijiet u korsijiet u tagħti wkoll konċessjoni annwali lil dawk involuti.

L-MFPA se tkun ukoll qed tgħaqqad il-komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u dawk li japplikaw biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm konflitti bejn l-eżamijiet u l-logħob u l-iskedi tat-taħriġ.

L-applikazzjonijiet se jibqgħu miftuħin matul Ġunju. Għal dettalji dwar termini, kriterji ta’ eliġibbiltà u aċċess għall-applikazzjonijiet, wieħed jista’ jidħol fuq is-sit http://maltafpa.com/lifeAfterFootball