Il-każ tat-tifla Niġerjana li f’Jannar li għadda instabet mejta fir-residenza tas-sorijiet f’Ħaż Żabbar reġa’ fl-aħbarijiet hekk kif illum tħabbar illi l-inkjesta indipendenti ordnata mill-Ministeru tal-Familja ġiet konkluża.
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ġie ppreżentat bil-konsiderazzjonijiet tal-Imħallef Philip Sciberras permezz ta’ dan ir-rapport ta’ inkjesta.
It-tifla kien jisimha Victoria Aluko. Fit-22 ta’ Jannar li għadda, kienu ħarġu d-dettalji tal-każ xokkanti ta’ din it-tifla ta’ 7 snin.
Hi kienet tgħix fir-residenza tad-Dumnikani f’Ħaż-Żabbar flimkien mal-ġenituri tagħha u ż-żewġ hutha. Il-kawża attwali tal-mewt għad trid tiġi stabbilita, hekk kif għadha għaddejja l-inkjesta Maġisterjali.
L-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Ian Farrugia.
L-Aġenzija Appoġġ ukoll daħlet sew f’dan il-każ.
Il-Ministeru qal illi ttieħed parir legali mingħand l-Avukat Ġenerali dwar meta ghandha tiġi ppubblikata l-inkjesta indipendenti. Fid-dawl ta’ dan il-parir, il-pubblikazzjoni se tkun posposta sakemm tintemm l-inkjesta maġisterjali, sabiex l-inkjesta maġisterjali, li l-proċess tagħha għadu ma ntemmx, ma tkunx preġudikata jew b’xi mod influwenzata.
Madankollu, il-Ministeru għall-Familja qal illi se jkun qed jieħu konsiderazzjoni tal-kontenut tal-imsemmija inkjesta fejn jidħlu materji ta’ natura amministrattiva b’ mod immedjat.
F’dan il-filmat nagħtu ħarsa lejn kif żviluppat l-istorja f’Jannar li għadda.
//= $special ?>