Lokali

L-‘ndrangheta u Malta jissemmew mill-ġdid flimkien fl-Italja

Uffiċjali tal-Guardia di Finanza ta’ Crotone wettqu sekwestru b’valur ta’ €3 miljun bħala parti minn operazzjoni bl-isem ta’ Tremble fejn mill-ġdid tinstab relazzjoni bejn pajjiżna u l-grupp mafjuż ‘ndrangheta.

Bħala parti minn din il-ħidma ġew sekwestrati seba’ aġenziji tal-logħob online fi Crotone u Isola Capo Rizzuto. Sekwestru li jasal bħala parti minn investigazzjoni li dwar l-infiltrazzjoni tal-‘ndrangheta fil-kummerċ tal-logħob online u l-betting fuq attivitajiet sportivi.

Hawn ukoll, bħalma sfortunatament ġara f’investigazzjonijiet oħra mill-Pulizija fl-aħħar jiem, tissemma’ Malta.

Dan hekk kif wieħed minn 27 persuna investigati b’reat ta’ intermedjazzjoni għall-ġbir abużiv ta’ flus ġejjin mil-logħob online b’metodu mafjuż u bl-iskop li jaġevolaw il-klann mafjuż ta’ Arena, hemm ukoll Francesco Martiradonna.

Dan mhux isem ġdid għaliex Martiradonna fi Frar li għadda kien sarlu sekwestru ta’ €18-il miljun fuq diversi akkużi fosthom dawk ta’ frodi għall-istat Taljan, profitti inġusti, sħab ma’ gruppi ta’ krimini organizzata. U dan hekk kif kien imniżżel bħala s-sid tal-kumpanija tal-gaming irreġistrata f’Malta, Centurion Bet Limited.

Din il-kumpanija tissemma’ mill-ġdid f’din l-aħħar investigazzjoni tal-pulizija Taljana, fejn jingħad li Centurion Bet kienet qed tintuża bħala strument ta’ intermedjazzjoni biex jinġabru flus akkwistati b’mod abbużiv u li minnhom kienet qed tgawdi l-mafja.

Skont il Fatto Quotidiano, membri tal-familja Martiradonna kienu ngħataw permess ta’ residenza f’Malta u dan wassal biex mexxew l-operat lejn pajjiżna.

Dan meta ndunaw li f’ħidma oħra mill-Pulizija, Operation Domino, l-awtoritajiet kienu qed jerqu lejn sekwestru fuq l-assi tagħhom, li sa dak iż-żmien kienu bbażati fl-Ingilterra.