Internazzjonali

Tinferex l-Ebola fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Rapporti mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qalu li l-epidemija tal-Ebola infirxet minn inħawi fil-kampanja lejn il-belt ta’ Mbandaka, bl-awtoritajiet  jinkwetaw li jistgħu jsibuha aktar diffiċli biex jikkontrollaw il-marda.

Il-każ ġdid tal-Ebola kien ikkonfermat f’belt fejn qed jgħixu miljun resident u li sservi bħala hub ewlieni għat-trasport Jidher li fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, s’issa, hemm 42 persuna infettati bl-Ebola, li minnhom mietu diġà 23.

L-Ebola hi marda serja ħafna bil-potenzjal enormi li tinfetta ħafna nies u kemm il-darba tirriżulta fatali. L-ewwel sintomi huma simili għall-influwenza u mhux dejjem jindikaw konnessjoni mal-Ebola. L-epidemja tal-Ebola tal-2014-16 fil-Punent tal-Afrika kienet qatlet 11,300 meta nfirxet lejn l-ibliet kapitali tal-Guinea, Sierra Leone u l-Liberja.