Internazzjonali

AĠĠORNATA: Tlieta jiddaħħlu ħajjin fl-Isptar, “ħafna maħsuba li mietu” f’tiġrif ta’ ajruplan f’Havana

F’Kuba, għexieren ta’ persuni huma maħsuba li mietu meta ajruplan tal-passiġġieri, tat-tip Boeing 737-400, iġġarraf u sploda ftit wara t-tluq mill-Ajruport ta’ Jose Marti, fil-kapitali Havana.

L-ewwel rapporti qed jgħidu li fl-Isptar lokali ddaħħlu ħajjin tliet persuni biss, bir-raba’ persuna tilfet ħajjitha fi triqtha lejn l-Isptar.

Fl-istess waqt, għadha għaddejja tfittxija għall-kumplament tal-113-il persuna abbord – bejn passiġġieri u ekwipaġġ.

Min-naħa tiegħu, fl-ewwel reazzjoni, il-President Kuban Miguel Diaz-Canel indika li “ħafna huma maħsuba li mietu”.

Fil-post issejħu s-servizzi tal-emerġenza, fosthom numru ta’ ambulanzi u vetturi tat-tifi tan-nar.

L-ajruplan kien f’titjira interna bejn Havana u Holguin.

Aktar dettalji dalwaqt …