Swansea City qed ifittxu kowċ ġdid wara li l-manager Carlos Carvalhal tneħħa mill-kariga minħabba li t-tim ġie relegat mill-Premier League. Il-Portugiż kien daħal fil-kariga f’Diċembru li għadda u sar il-ħames kowċ li nbidel fl-aħħar sentejn u nofs minn meta tkeċċa Gary Monk.
Carvalhal ħa post Paul Clement b’kuntratt sa tmiem l-istaġun. Fil-bidu tat-tmexxija tiegħu, Swansea kisbu riżultati pożittivi, iżda l-forma tagħhom naqset lejn tmiem il-kampjonat, bit-telfa kontra Southampton tkun dik deċiżiva biex kważi kienu relegati. Ir-relegazzjoni tagħhom kienet konfermata b’telfa f’darhom kontra Stoke, bil-klabb minn Wales issa jrid jibda mill-bidu fiċ-Championship.
Rapporti fil-media qed jgħidu li Carvalhal jidher li jrid jibqa’ l-karriera ta’ kowċ fil-futbol Ingliż hekk kif għandu diversi offerti. Iċ-chairman ta’ Swansea Huw Jenkins irrikonoxxa l-ħidma u l-impenn ta’ Carvalhal minn Diċembru.
“Naturalment kollha diżappuntati bir-relegazzjoni mill-Premier League, u wara diskussjonijiet ma’ Carlos, ħassejna li jkun fl-interess taż-żewġ partijiet li nimxu f’direzzjoni differenti. Issa nħarsu li naħtru manager biex nippreparaw għall-istaġun li ġej.”
Jenkins qal li hu importanti li jidentifikaw ruħhom mal-persuna ideali biex tmexxi lit-tim ‘l quddiem.
B’hekk qed ikomplu jinbidlu kowċis wara li din il-ġimgħa Sam Allardyce u David Moyes ma baqgħux fit-tmexxija ta’ Everton u West Ham rispettivament, minbarra t-tmiem ta’ Arsène Wenger ma’ Arsenal.
//= $special ?>