Lokali

Chandler jiċħad li hu spija Russa, iżda jgħid kif “qabbduh” ma’ Pilatus

"Bank Malti qabbadni ma’ Pilatus Bank" – Christopher Chandler

Christopher Chandler – il-biljunarju minn New Zealand li dan l-aħħar issemma fil-Parlament Ingliż, u kien indikat bħala persuna qrib ta’ Vladimir Putin, b’interessi finanzjarji fir-Russja u b’allegazzjonijiet li kien imdaħħal fil-ħasil ta’ flus ġejjin minn dak il-pajjiż – fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet spjega kif kien kiseb il-passaport Malti.

F’intervista mas-Sunday Times ta’ Londra tal-Ħadd li għadda, Chandler qal li hu akkwista “passaport rispettat ta’ pajjiż rispettat”. “Meta wasal Malta,” qal Chandler, “tkellimt ma’ bank lokali, li introduċieni ma’ Pilatus Bank, li jien ma kontx nafu minn Adam.”

Is-Sunday Times qalet li Chandler imbagħad akkwista l-passaport Malti wara li kien għamel ‘investiment’ ta’ aktar minn ₤1 miljun f’Pilatus Bank, li fiż-żmien ta’ wara kellu l-assi tiegħu iffriżati u s-sid tiegħu (Ali Sadr Hashemin Nejad) kien arrestat fl-Istati Uniti fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus li ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ Chandler.

Chandler issemma ħafna fl-aħħar ġimgħat wara li d-Deputat Konservattiv Bob Seely stqarr fil-Parlament Ingliż li dan Chandler kellu konnessjonijiet mill-qrib ma’ Putin u li fl-2001 kien qed ikun investigat mill-Pulizija Franċiża minħabba dawn il-konnessjonijiet u allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Fil-Parlament Ingliż, Chandler kien ukoll akkużat li bil-fondazzjoni tiegħu, Legatum, għen lill-grupp li ħadem qabel u wara r-referendum biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-famuża Brexit.
Waqt li Chandler ċaħad bis-saħħa kollha dawn l-akkużi, fl-aħħar jiem, xi gazzetti Ingliżi ipproduċew provi oħra li jidhru li jikkonfermaw kemm Chandler u nies qrib tiegħu huma fil-verità qrib Vladimir Putin.

Dak li Chandler qal lis-Sunday Times tal-Ħadd li għadda fir-rigward tal-kisba minnu ta’ passaport Malti, iqanqal numru ta’ mistoqsijiet rilevanti:

● Min kien il-“bank lokali” li, skont Chandler, introduċieh ma’ Pilatus Bank?

● X’sens jagħmel li bank jirrifjuta “investiment” ta’ aktar minn ₤1 miljun u jgħaddih lil bank ieħor?

● Dan il-“bank lokali” kellu xi direttivi biex min jikkuntattjah bi ‘investiment’ ħalli jikseb passaport Malti jgħaddih lil Pilatus Bank?

● Jekk it-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel hi fl-affermattiv, min kien li ta din id-direttiva, u lil min?

● Kien hemm investituri oħrajn li avviċinaw lill-“bank lokali” u dan għaddiehom ukoll lil Pilatus Bank?

Dawn u mistoqsijiet oħrajn rilevanti huma serji biżżejjed biex iqajmu l-ħtieġa ta’ indaġni serja mill-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna, fosthom l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) u l-MFSA (Malta Financial Services Authority). Iżda fuq dak li rajna jseħħ fl-aħħar sentejn, ftit hemm tama li dan iseħħ.