Sport Waterpolo

Christian Presciutti se jkun il-barrani ta’ Sliema fl-istaġun tas-sajf

Christian Presciutti fl-azzjoni fis-sajf li għadda ma' Sirens (Ritratt: Matthew Tabone)

Sliema Frank Salt se jkollhom barrani ta’ kwalità għall-kampjonat tas-sajf hekk kif se jkollhom lil Christian Presciutti bħala l-barrani tagħhom għal dan l-istaġun. Sliema qed ifittxu li jitjiebu mill-istaġun diżappuntanti li kellhom is-sena l-oħra meta ma spiċċawx mal-ewwel tlieta għall-ewwel darba mill-1995.

Is-Slimiżi taħt it-tmexxija ta’ Sergio Afric spiċċaw it-tielet fil-Kampjonat tax-xitwa, u qed jittamaw li bl-inklużjoni ta’ Sliema jkollhom tim b’saħħtu biżżejjed biex jittamaw li jirbħu l-ewwel kampjonat tagħhom mill-2009, minkejja li hu diffiċli.

Presciutti lagħab għall-ewwel darba f’pajjiżna fl-2014 u bi 52 gowl skorjat fl-14-il logħba tal-kampjonat, spiċċa bħala l-aqwa skorer. Sena wara, Presciutti reġa’ lagħab f’pajjiżna u din id-darba spiċċa t-tielet fil-lista tal-aqwa skorers bi 43 gowl, kif ukoll erba’ gowls fin-knock-out.

It-Taljan ma lagħbx f’pajjiżna fl-2016 minħabba l-impenji tiegħu mat-tim nazzjonali tal-Italja fl-Olimpjadi ta’ Rio, iżda fil-kampjonat tas-sajf li għadda reġa’ lagħab ma’ Sirens. Presciutti kien l-aqwa skorer tat-tim b’39 gowl u kien strumentali biex Sirens itemmu t-tielet fil-kampjonat għall-ewwel darba mill-2008.

Presciutti għandu 35 sena u kien parti mit-tim Taljan li rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja tal-2011 f’Shanghai. Hu lagħab fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 fejn l-Italja temmew it-tieni u rebaħ il-midalja tal-bronż fl-aħħar Olimpjadi.