Lokali

Il-Gvern se jżid il-piżijiet fuq l-operaturi tal-VRT

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU) qed titlob lill-Gvern biex jgħolli l-prezzijiet tat-testijiet tal-VRT għax qed tgħid li l-prezz f’pajjiżna hu l-anqas fl-Ewropa u l-Istazzjonijiet tal-VRT ilhom bl-istess qligħ għal 20 sena.

Fi stqarrija, il-GRTU qalet li taqbel mal-proposti tal-Gvern b’tibdil fit-testijiet tal-VRT, għalkemm sostniet li hu “inkonċepibbli” li l-Gvern ħabbar li l-prezzijiet se jibgħu l-istess. Dan meta l-Kamra qalet li ilha għal dawn l-aħħar snin tistaqsi għal żidiet f’dawn il-prezzijiet.

Il-GRTU staqsiet liema mestjier, impjieg jew spiża nżammet fl-istess livell għal 20 sena, filwaqt li sostniet li l-operaturi kellhom jaraw kif se jmantnu n-negozji tagħhom bl-ispejjeż jiżdiedu.

Skont il-GRTU, l-istrateġija tal-Gvern għas-sigurtà fit-toroq tinkludi l-isfruttar ta’ dan is-settur. Madankollu, għall-Kamra, din l-istrateġija se taħdem kontra u mhux favur is-sigurtà. Qalet li għal darb’oħra, il-Gvern se jkun qed jistenna standards ogħla mill-Istazzjonijiet tal-VRT mingħajr ma japprezza li wasal iż-żmien biex l-prezzijiet ikunu rranġati.

Filwaqt li sejħet dan kollu bħala “prekarjat iddettat mill-Gvern”, il-GRTU qalet li bagħtet ittra lill-Ministru tat-Trasport Ian Borg biex din is-sitwazzjoni tkun diskussa u rrimedjata f’laqgħa li għandha tissejjaħ b’urġenza.