Pep Guardiola se jkun qed jibqa’ fit-tmexxija ta’ Manchester City wara li ffirma kuntratt ta’ tliet snin maċ-champions Ingliżi. L-Ispanjol kien fadallu sena fil-kuntratt preċedenti u b’hekk il-kuntratt eżistenti se jintemm fl-2021.
“Kuntent ħafna u eċċitat. Hu ta’ pjaċir li nista’ naħdem hawn. Qed nieħu pjaċir naħdem mal-plejers kuljum u se nippruvaw u nagħmlu l-aħjar tagħna fis-snin li ġejjin. Bħala manager, irid ikollok relazzjoni tajba mal-plejers,” qal Guardiola.
Id-diskussjonijiet bejn Guardiola u l-klabb dwar tiġdid fil-kuntratt ilhom għaddejjin għal numru ta’ xhur, b’City riedu jkomplu dan il-proġett flimkien mal-eks kowċ ta’ Barcelona. Iċ-chairman tal-klabb Khaldoon Al Mubarak hu kuntent bl-iffirmar tal-kuntratt il-ġdid ta’ Guardiola. Hu qal li f’żewġ staġuni ħoloq spirtu inkredibbli fl-iskwadra u għen fil-progress tal-klabb.
Wara li fl-ewwel staġun tiegħu fil-futbol Ingliż ma rebaħ l-ebda unur, f’dan l-istaġun Guardiola rebaħ il-League Cup u l-Premier League b’rekord ta’ punti. Jekk Guardiola jasal sat-tmiem tal-kuntratt, l-esperjenza tiegħu ma’ City tkun ta’ ħames snin, sena aktar minn kemm dam ma’ Barcelona.
Guardiola bħalissa jinsab għal vaganza u mistenni jirritorna f’Lulju meta Manchester City jibdew il-pre-season. City mistennija jmorru fl-Istati Uniti biex jilagħbu kontra Borussia Dortmund, Liverpool u Bayern Munich.
//= $special ?>