Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li Kim Jong-un jista’ ikompli bħala l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq jekk jasal fi ftehim għad-denuklearizzazzjoni tal-Istat komunista. Intant, il-Mexxej Amerikan indika wkoll li Kim jista’ jitwarrab mit-tmexxija f’każ li jirrifjuta.
Donald Trump spjega, sadanittant, li l-Istati Uniti mhix qed tippersisti wara ‘il-mudell Libjan’ fl-ambizzjonijiet għad-denuklearizzazzjoni tal-Korea komunista.
Dan sar b’referenza għal meta l-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi, kien qabel biex iwarrab għall-armi nukleari fl-2003. Gaddafi, intant, kien spiċċa maqtul minn ribelli appoġġjati mill-Punent waqt ir-rewwixta tal-2011 fil-Libja.
Diversi analisti, issa, qalu li l-Korea ta’ Fuq tinsab irrabjata dwar il-prospetti ta’ ‘xenarju bħal tal-Libja’ — preċiżament minħabba d-destin ta’ Gaddafi.
Il-paragun inkwistjoni kien għamilha John Bolton, bħala l-Konsulent dwar is-Sigurtà Nazzjonali għall-President tal-Istati Uniti, bil-konsegwenza li l-Korea ta’ Fuq ħarġet it-theddida li tirtira mis-summit ippjanat ma’ Trump f’Singapore, fit-12 ta’ Ġunju.
Intant, Donald Trump sostna li ‘l-Amerikani mhumiex jaħsbu dwar il-Libja fit-trattativi potenzjali ma’ Pyongyang’. Meta tkellem dwar is-summit ippjanat bejnu u Kim Jong-un, Trump kompla li ‘xejn ma nbidel dwar il-Korea ta’ Fuq li nafu dwaru’, filwaqt li esprima t-twemmin li ‘il-laqgħa (ma’ Kim) jekk fil-fatt issir, għandha tkun ta’ suċċess’.
//= $special ?>

